It-Taqsima tal-Wirt Kulturali ta’ Qiegħ il-Baħar (UCHU) fi ħdan Heritage Malta, flimkien mal-klabb lokali tal-bugħaddasa l-ATLAM, wettqet b’suċċess proġett ieħor ta’ tneħħija ta’ xbieki minn wieħed mis-siti ta’ Heritage Malta taħt il-baħar – l-HMS Nasturtium.
Heritage Malta qalet li kull sena jkun hemm 12-il miljun tunnellata ta’ plastic li jsib ruħu fl-ibħra u l-oċeani tad-dinja. Irkaptu tas-sajd mitluf jew abbandunat, magħruf bħala ghost gear, jikkostitwixxi 10% ta’ dan l-iskart. Dan l-irkaptu huwa theddida għall-ambjent marittimu billi ma jinqeridx malajr, anzi jibqa’ fl-ibħra għal deċenji sħaħ.
Intqal li filwaqt li s-siti storiċi ta’ qiegħ il-baħar jiġbdu lejhom speċi differenti ta’ ħlejjaq tal-baħar, dawn is-siti storiċi ta’ spiss qed jispiċċaw ikunu l-aħħar postijiet fejn jispiċċa l-irkaptu. Dan b’detriment kemm għall-ħlejjaq tal-baħar u anke għas-siti nfushom u anke għall-għaddasa li jżuru dawn is-siti u li ma jkunux konxji minn dan il-periklu.
Heritage Malta qalet li tul dawn l-aħħar snin, hija flimkien mal-ATLAM, is-Sub Aqua Club, bdiet tagħmel diversi proġetti ta’ tneħħija ta’ xbieki minnn dawn is-siti. Dan wara li fl-aħħar snin, żdiedet il-kuxjenza dwar it-theddida tal-irkaptu abbandunat u ttieħdu diversi inizjattivi, lokalment u internazzjonalment, biex tittaffa din il-problema.
Hertitage Malta spjegat li matul Mejju, Ġunju u Lulju ta’ din is-sena, il-ħidma tat-tneħħija ta’ xbieki kienet iffokata fuq is-sit tal-HMS Nasturtium, li jinsab bejn wieħed u ieħor 10km lil hinn mill-kosta tal-Belt Valletta. Biex jitneħħew ix-xbieki minn dan is-sit, saru diversi għadsiet bis-sehem ta’ bugħaddasa mill-klabb ATLAM u minn Heritage Malta.
Hija kompliet tispjega li l-HMS Nasturtium kien bastiment tal-gwerra li nbena apposta mill-Qawwa Navali Rjali biex ifittex u jneħħi l-mini mill-baħar fl-Ewwel Gwerra Dinjija. Fl-24 ta’ April 1916, il-bastiment telaq minn Malta, fejn kien ibbażat, iżda ma damx ma ssejjaħ lura biex ifittex mini u sottomarini fl-inħawi ta’ dawn il-gżejjer. Fis-27 ta’ April, l-HMS Nasturtium daħal fl-istess post fejn, iktar kmieni dakinhar stess, mina kienet għerrqet il-bastiment HMS Russell. LHMS Nasturtium laqat mina, bil-konsegwenza li seħħet splużjoni fuq il-ġenb tal-lemin tiegħu. Mit-toqba li kkaġunat l-isplużjoni ħarġu tunnellati ta’ faħam li kien jintuża biex iħaddem il-magna, u minħabba f’hekk il-bastiment miel fuq ix-xellug. Ftit wara għereq u sab postu f’qiegħ il-baħar, wiċċu ’l fuq, f’fond ta’ 67 metru.