Tlestiet kważi l-ewwel fażi tax-xogħlijiet taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali tas-Siġġiewi.
Dan iz-zuntier li għandu rabta twila mal-istorja tal-post u jservi bħala l-aċċess prinċipali għall-knisja, ġarrab ħsarat estensivi matul iż-żminijiet, anke minħabba interventi li ma kinux skont is-sengħa meħtieġa.
Kien għalhekk li ftit żmien ilu ġie ffirmat ftehim ta’ madwar miljun ewro biex jibda x-xogħol fuq iz-zuntier tal-knisja. Dan ix-xogħol hu mqassam f’disa’ fażijiet, biex bi ftehim mal-Arċipriet tal-Parroċċa, il-funzjonijiet u l-andament fil-Knisja jibqgħu għaddejjin.
L-ewwel fażi ta’ dawn il-xogħlijiet, li hija l-ikbar u l-itwal fażi biex titwettaq, kienet tinvolvi l-bini mill-ġdid taz-zuntier tal-Knisja Parrokkajli ta’ San Nikola fis-Siġġiewi, li hu magħmul mill-ġebla tal-franka u l-madum tas-siment.
Ta’ min jgħid li t-taraġ biss ta’ dan iz-zuntier, jiġifieri minbarra l-pedament, huwa ffurmat minn madwar 1,200 biċċa.
Fuq il-post tal-proġett, ONE NEWS tkellem mas-Segretarju Parlamentari tax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia fejn spjega li kif kien imwiegħed, għaddej ġmielu x-xogħol biex titlesta l-ewwel fażi ta’ restawr qabel il-festa tant maħbuba mas-Siġġiwin, il-festa ta’ San Nikola biex b’hekk l-attivitajiet kollha marbuta mal-festa inkluż il-pellegrinaġġ li jsir ta’ kull sena, se jkun jista’ jsir u jitgawda b’mod sħiħ.
Stqarr, “Dan il-proġett miexi b’ritmu tajjeb ħafna u kif wegħdna lill-komunità tas-Siġġiewi li l-ewwel parti ta’ dan il-proġett tkun lesta għall-festa għażiża u tant devota ta’ San Nikola, wettaqniha u nħares ‘il quddiem sabiex b’ħafna ottimiżmu naraw it-tlestija ta’ dan il-proġett mill-isbaħ sabiex jitgawda mill-komunità tas-Siġġiewi u lil kull min iżur din il-knisja mill-isbaħ.”