“Illum, 50% tal-Marsa Junction Project huwa lest. Ftit aktar minn xahar ilu konna hawn biex ninawguraw l-ewwel strutturi; illum qegħdin naraw it-travi jitpoġġew fit-tielet u l-itwal flyover li konna ħabbarna li se tinfetaħ sal-aħħar ta’ Jannar. Illum nistgħu nħabbru li din l-istruttura ser tkun konkluża sal-aħħar ta’ din is-sena, xahar qabel iż-żmien,” qal il-Ministru Ian Borg waqt li kien qiegħed iżur is-sit ta’ dan l-investiment ta’ €70 miljun li huwa iddeskriva bħala dak li se jibdel darba għal dejjem l-infrastruttura ta’ pajjiżna.
Huwa qal li ladarba jitlesta dan il-flyover se tkun tista’ tiġi eliminata għal kollox is-sistema ta’ traffic lights tal-Addolorata, u b’hekk se jkun qiegħed jerġa’ jitnaqqas drastikament il-ħin tal-ivvjaġġar għal eluf ta’ nies.
Il-Ministru Borg qal li wara l-ftuħ tal-ewwel strutturi, ix-xogħol baqa’ miexi b’ritmu kostanti, u qal li ta’ dan jistgħu jkunu xhieda l-120,000 persuna li jgħaddu minn din ir-rotta ta’ kuljum.
Huwa spjega kif it-tielet struttura ta’ flyover li se tkun lesta din is-sena se toħloq konnessjoni diretta lejn it-Tramuntana bejn Triq Aldo Moro u Vjal Santa Luċija u se tkun l-itwal waħda b’tul ta’ 2 grounds tal-futbol, jiġifieri 227 metru sakemm tingħaqad mal-ogħla parti tal-ewwel flyover fi Triq Aldo Moro, wieħed mit-tnejn li diġà qed jintużaw.
Il-Ministru qal, “Dan il-proġett diġà qiegħed iħalli frott kif mixtieq. Aktar minn nofs miljun persuna użaw il-flyovers li ftaħna, aktar minn nofs miljun persuna diġà iffrankaw mat-12,000 siegħa traffiku. Qed nitkellmu dwar nies li dejjem sfaw minsija, imma dan il-Gvern għażel li ma jinsihomx u l-viżjoni tagħna għal pajjiżna timraħ aktar fil-bogħod u fil-wisgħa, għax m’aħniex se nieqfu biss ma’ din il-junction,” qal il-Ministru Borg.
Huwa saħaq dwar l-importanza li l-pajjiż kollu jkollu infrastruttura effiċjenti, ta’ kwalità u aktar sikura, u għamel referenza għall-investiment li għaddej fil-viċin għall-mini ta’ Santa Luċija kif ukoll għall-investiment ta’ €64 miljun li sar f’14-il proġett f’toroq arterjali matul l-2019. Il-Ministru Borg semma’ wkoll numru ta’ proġetti oħra bħas-Central Link Project, il-proġett bejn Ħal Kirkop u l-Ajruport u l-proġett ta’ Sant Andrija, minbarra l-ħidma li għaddejja f’toroq rurali u residenzjali.
“Qed ngħaġġlu? Iva, qed ngħaġġlu u mhux ser nieqfu naħdmu u m’aħniex ser nieqfu nħarsu ‘l quddiem għaliex irridu li llum qabel għada l-poplu jgawdi minn infrastruttura li tixraqlu. Dan qed nagħmluh bl-aktar mod responsabbli, u qed inwasslu infrastruttura ta’ kwalità anke għall-mezzi alternattivi, infrastruttura li qabel kienet biss ħolma għal pajjiżna,” għalaq il-Ministru Borg filwaqt li tenna li jħares ‘il quddiem lejn aktar ħidma u irringrazzja lit-tmexxija ta’ Infrastructure Malta u l-bqija tat-tim li qed jaħdem favur din il-viżjoni tal-Gvern.