Infrastructure Malta lestiet 35 fil-mija tal-Marsa Junction Project hekk kif l-istrutturi tal-ewwel żewġ flyovers daqt ikunu lesti waqt li x-xogħol fuq il-ħamsa l-oħra qed javvanza ġmielu.
L-ewwel żewġ flyovers mis-sebgħa li jinkludi dan il-proġett ta’ €70 miljun iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea mistennija jinfetħu għall-pubbliku lejn l-aħħar ta’ Settembru. Dawn iż-żewġ strutturi se jgħaqqdu l-karreġġjata lejn it-tramuntana ta’ Triq Giuseppe Garibaldi ma’ Triq Aldo Moro. Għall-ewwel, din se tintuża fid-direzzjoni opposta, minn Triq Aldo Moro lejn Ħal Luqa u l-Ajruport. B’hekk, jonqos il-volum ta’ karozzi fil-korsiji eżistenti, u b’hekk uħud minnhom ikunu jistgħu jingħalqu ħalli jkompli l-bini tal-bqija tal-istrutturi.
Minn għada (it-Tlieta 27 ta’ Awwissu), dawk li jgħaddu mill-inħawi se jibdew jesperjenzaw tibdil fil-korsiji tat-tramuntana li jgħaqqdu l-junction fejn hemm it-traffic lights ħdejn l-Addolorata ma’ Triq Aldo Moro. Infrastructure Malta se ċċaqlaq dawn il-korsiji billi tressaqhom lejn il-ġenb biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jkomplu jagħtu l-konkos lill-gverta tal-flyover li tgħaddi minn fuqhom. Din il-miżura hija meħtieġa bħala prekawzjoni biex ikunu evitati perikli f’każ li jaqgħu xi fdalijiet. Malli titlesta parti mill-gverta, il-korsiji jerġgħu jiġu modifikati biex jissokta x-xogħol fis-sezzjoni li jkun imiss, sakemm titlesta din l-istruttura tal-flyover twila 263 metru.
Qabel kull tibdil li tagħmel fil-korsiji, Infrastructure Malta toħoloq mudelli kompjuterizzati u tagħmel testijiet permezz ta’ programmi apposta biex tanalizza kif dawn ikunu se jolqtu l-andament tal-ivvjaġġar fl-inħawi. Jiġu eżaminati għażliet differenti biex fl-aħħar mill-aħħar tintuża l-aħjar soluzzjoni, li jkollha l-inqas impatt fuq aktar minn 110,000 persuna li ta’ kuljum jivjaġġaw minn din iż-żona.
Waqt laqgħa mal-ġurnalisti, l-Inġinier Fredrick Azzopardi, Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, appella lil dawk li jivvjaġġaw f’dawn l-inħawi biex josservaw il-limitu ta’ veloċità mnaqqas li japplika għal inħawi fejn ikunu qed isiru xogħlijiet fit-toroq, kif ukoll biex isegwu l-korsiji temporanji mmarkati b’linji sofor u s-sinjali fit-toroq, biex jonqos ir-riskju ta’ aċċidenti u jkun evitat dewmien bla bżonn.
Infrastructure Malta qed tikkollabora mal-Pulizija u Transport Malta biex toffri assistenza addizzjonali lil dawk li jużaw it-toroq. Pulizija mit-Taqsima tat-Traffiku u uffiċjali ta’ Transport Malta se jkunu stazzjonati fl-inħawi biex isegwu dak li jkun għaddej fit-toroq li jwasslu għall-junction tal-Addolorata u jieħdu azzjoni mmedjata f’każ li jinqalgħu problemi. Is-sewwieqa jistgħu jċemplu lil Transport Malta fuq 8007 3399 sabiex jużaw is-servizz ta’ rmonk offrut għal dawk il-vetturi li jinqalgħulhom ħsarat waqt li jkunu għaddejjin mill-inħawi.
L-ewwel żewġ fażijiet tal-proġett, li kienu jinkludu l-bini mill-ġdid ta’ Triq Aldo Moro u toroq oħrajn fil-madwar, tlestew is-sena l-oħra. F’Diċembru li għadda, Infrastructure Malta bdiet it-tielet fażi, li prinċipalment tikkonsisti fil-bini tal-flyovers.
L-istruttura ewlenija u l-gverta b’erba’ korsiji tal-ewwel flyover daqt lesti. Il-kuntratturi ta’ Infrastructure Malta diġà poġġew f’posthom 56 travu tal-konkos biex iffurmaw u lestew il-gverta tagħha. Kull travu huwa twil 26 metru u jiżen aktar minn 36 tunnellata. It-travi tal-azzar li jiffurmaw il-gverta għat-tond tat-tieni flyover inħadmu t-Turkija u nġiebu Malta bil-baħar fil-ġimgħat li għaddew. Dawn issa qed jingħaqdu u jittellgħu fuq il-kolonni li fuqhom se sserraħ il-flyover. Sebgħa minn dawn it-travi huma l-itwal ta’ dan il-proġett, u jvarjaw bejn 106 u 135 metru waqt li kull wieħed minnhom jiżen 85 tunnellata.
Fl-istess waqt, ħaddiema oħrajn qed jibnu ż-żewġ rampi li se jgħaqdu t-truf taż-żewġ flyovers ma’ Triq Aldo Moro u Triq Giuseppe Garibaldi. Il-karreġġjata tat-tramuntana ta’ Triq Giuseppe Garibaldi se terġa’ tinfetaħ mil-lejla (it-Tnejn, 26 t’Awwissu), wara li ngħalqet għal xi ġimgħat biex inbnew l-istrutturi li fuqhom isserraħ it-tieni flyover u l-ħitan tar-rampa. F’din il-parti tat-triq, Infrastructure Malta bidlet u saħħet ukoll għadd ta’ servizzi tad-distribuzzjoni li kien hemm taħt l-art.
Bħalissa miexi wkoll il-bini tal-ħames flyovers l-oħrajn. Tlestew aktar minn 20 mit-42 kolonna li hemm bżonn għal dan il-proġett. L-istruttura tal-azzar tat-tielet flyover mistennija tibda tieħu l-forma wkoll matul Settembru.
Taħt il-flyovers, Infrastructure Malta qed tgħaddi aktar minn 15-il kilometru f’cables u katusi għad-distribuzzjoni tas-servizzi tal-elettriku, ilma, drenaġġ, Internet u telekomunikazzjoni minn taħt l-art. Qed titħejja wkoll sistema għall-ġbir tal-ilma tax-xita li tinkludi l-bini ta’ ġibjun ġdid. L-ilma tax-xita mill-ġibjun se jintuża għat-tisqija tas-siġar u żoni ġodda imsebbħin b’siġar u pjanti li l-aġenzija qed tagħmel fl-inħawi bħala parti mill-Marsa Junction Project.
It-tim ta’ Infrastructure Malta responsabbli mill-proġett qiegħed kontinwament jirrevedi u jirfina l-pjanijiet tal-kuntrattur għall-implimentazzjoni biex jiżguraw li x-xogħlijiet kollha jitlestew fl-iqsar żmien possibbli, iżda bl-akbar attenzjoni għas-sikurezza u l-kwalità. Il-kuntratturi qed jaħdmu mit-Tnejn sal-Ħadd u fejn meħtieġ anke bil-lejl.
Is-seba’ flyovers tal-Marsa Junction Project, li se jeliminaw it-traffic lights ta’ ħdejn l-Addolorata, u aktar minn 12-il kilometru ta’ korsiji ġodda, li se jgħaddu b’mod separat minn fuq xulxin fi tliet livelli differenti, se joħolqu konnessjonijiet diretti kemm lejn it-tramuntana kif ukoll lejn in-nofsinhar bejn Triq Aldo Moro, Vjal Sir Paul Boffa, Vjal Santa Luċija, Triq Giuseppe Garibaldi u Triq il-Marsa (lejn Ħal Qormi). B’hekk se jiġu eliminati l-ħin ta’ stennija li kien ikun hemm tul din ir-rotta prinċipali lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta minħabba t-traffic lights, u jonqsu l-emissjonijiet ikkaġunati mill-konġestjoni fil-Marsa u lokalitajiet oħrajn fil-madwar. Bil-proġett se jiġu introdotti wkoll faċilitajiet ġodda għal mezzi alternattivi ta’ trasport, fosthom bankini u korsiji għar-roti, pontijiet għall-mixi, waqfiet u korsiji għall-karozzi tal-linja, żona ta’ park and ride u żoni ġodda msebbħin bis-siġar u l-pjanti.
Il-Marsa Junction Project huwa kofinanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni u mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tal-Unjoni Ewropea.