Raġel, li ħuh inqatel 25 sena ilu, tilef tliet kawżi ta’ libell li għamel fil-konfront ta’ tliet ġurnali b’rabta mal-istess delitt, li baqa’ qatt ma ġie solvut.
Joseph Formosa ta’ 52 sena kien inqatel b’mill-inqas tlettax-il daqqa ta’ sikkina fl-1999 f’appartament fil-Qawra.
Ħuh, Ivan, kien fetaħ tliet kawżi kontra l-Edituri ta’ L-Orizzont, in-Nazzjon u t-Times, minħabba rapporti li semmew li l-qattiel seta’ kien ħabib tal-vittma, li indikaw li seta’ kien omosesswali, waqt li qalu li r-reat seta’ kien konness ma’ prostituzzjoni.
Fil-Qorti ġie konkluż li dawn ir-rapporti ma jinsulentawx il-memorja tal-vittma, hekk kif kienu biss qed jaqdu dmirijiethom.
Formosa wkoll kien fetaħ kawża kostituzzjonali separata b’rabta mad-delitt ta’ ħuh.