Fil-Qorti tal-Familja omm rebħet kawża li riżultat tagħha bintha mhux se jkollha missier reġistrat magħha, dan wara storja ferm imqallba.
Il-mara u l-ex sieħeb tagħha kienu bil-vizzju tad-droga u anki skontaw sentenzi ta’ ħabs fuq hekk. Il-mara saħasintra anki spiċċat daħlet fil-prostituzzjoni u spiċċat tqila b’tarbija minn xi ħadd mhux magħruf. Fil-Qorti ntqal li l-mara marret għand l-ex sieħeb tagħha u għarfitu bit-tqala tagħha li għal bidu huwa ċaħadha iżda imbagħad aċċetta t-tarbija u saħasintra ta kunjomu u għarrafha bħala li hu missierha.
Meta t-tifla tal-mara kellha seba’ xhur, reġgħu qamu l-problemi u b’ordni tal-appoġġ it-tifla ingħatat għal fostering minn koppja biex b’hekk it-tifla kellha tassew ambjent ta’ familja li jixirqilha. Fil-Qorti ntqal li hawnhekk l-ex sieħeb tal-mara, li kien għadu reġistrat bħala missier it-tifla, beda jaqla’ l-problemi u jxekkel ħafna fosthom li ma jaċċettax li t-tifla titgħammed. Hawnhekk il-mara ddeċidiet li tiftaħ kawża l-Qorti u preżentat ukoll testijiet tad-DNA li wrew li l-ex sieħeb tagħha mhux missier it-tifla.
Kien hawn li l-Qorti ddeċidiet favur il-mara li xtaqet li fl-aħjar interess ta’ bintha, din tibqa’ taħt il-ħarsien tal-ġenituri li qed jiffosterjawha mingħajr aktar ostakli mill-ex sieħeb tal-omm.