Sitt ijiem qabel it-tieġ, Pavel Jakovlev u l-għarusa tiegħu spiċċaw mingħajr libsa tat-tieġ hekk kif il-Ġimgħa filgħaxija tilfuha mal-wasla tagħhom fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Kien tard filgħaxija meta Jakovlev, li ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar għaxar snin u għażel lil Malta bħala l-pajjiż li jiżżewweġ fih, wasal Malta flimkien mal-mara futura tiegħu u ż-żewġ bridesmaids tagħhom. Kien proprju dak il-ħin li lkoll flimkien għabbew l-affarijiet kollha fil-karozza ta’ missier Pavel u saqu lejn id-dar.
F’kumment ma’ Lovin Malta, Pavel spjega kif wara li l-għada filgħodu stenbħu u bdew ifittxu l-libsa ma setgħu jsibuha mkien. Kien hemm li marru jfittxu l-Ajruport iżda kien kollu ta’ xejn fejn kameras tas-sigurtà setgħu jilmħu lil Pavel ħiereġ mit-terminal bil-libsa f’idu.
Pavel spjega kif hu għamel rapport mal-Għassa ta’ San Ġiljan li nesa l-baskett bil-libsa tat-tieġ barra l-karozza ta’ missieru, liema żball qed jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu kollha hu.
Ma’ Lovin Malta hu qal li issa se jkunu qed ifittxu libsa oħra, iżda qabel jagħmlu dan xtaq jipprova jitlob lill-pubbliku jwassal il-messaġġ tiegħu. Dan hekk kif hu qed jitlob lil min sab il-libsa biex jirritornaha u minflok se jkun qed jagħti premju ta’ €1,000.
Kull min għandu xi informazzjoni jista’ jagħmel kuntatt ma’ Pavel fuq paveljakovlev28@gmail.com.