Żewġ pulizija kellhom jiddaħħlu l-isptar Mater Dei għall-kura wara li raġel minn Raħal Ġdid tilef il-kontroll tal-karozza li kien qed isuq tat-tip Honda Accord u daħal head on fil-karozza tas-servizz. L-inċident seħħ fi Triq il-Kbira San Ġużepp f’Santa Venera għall-ħabta tal-11:55 ta’ filgħaxija.
Apparti fil-karozza tal-Pulizija ir-raġel daħal ukoll f’żewġ karozzi u żewġ muturi oħra li kienu pparkjati mal-ġenb tat-triq. Mad-daqqa l-karozza tal-Pulizija li kienet qed tinstaq fid-direzzjoni tal-Belt spiċċat mitfugħa fuq il-bankina.
Immedjatament fuq il-post wasal tim mediku li ħa lin-nies feruti l-isptar Mater Dei kif ukoll diversi Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u tad-Distrett li bdew l-investigazzjonijiet dwar dan l-inċident. Ġew imsejħa wkoll Pulizija mix-xena tar-reat li bdew jelevaw diversi filmati ta’ cameras tas-sigurtà li hemm fl-akwata.
Qed jiġi rrappurtat li r-raġel kien qed isuq taħt l-influwenza tal-alcohol.
B’rabta ma’ dan infetħet inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadha għaddejja.
Ritratti u filmati: Owen Galea