Tilef ħajtu l-anzjan ta’ sebgħa u tmenin sena li ilbieraħ ittajjar minn mutur tat-tip Honda fi Triq Għajn Dwieli, Raħal Ġdid, waqt li kien qiegħed jiġi rikoverat fl-Isptar Mater Dei.
Fuq il-post, ilbieraħ marru l-Pulizija, li mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li l-mutur li tajjar lill-anzjan, kien qed jinstaq minn raġel ta’ 54 sena mill-Isla.
Mar ukoll tim mediku u l-vittma ttieħed l-isptar Mater Dei.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Elaine Mercieca li ħatret inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.