Raġel ta’ sitta u ħamsin sena ta’ nazzjonalità Irlandiża, residenti l-Imqabba miet fl-ewwel inċident fatali ta’ din is-sena. Il-każ seħħ fi Triq Ħagar Qim fil-Qrendi meta r-raġel baqa’ tiela fuq il-bankina u sussegwantament daħal f’ ċint waqt li kien qed issuq karozza tat-tip Peurgeot 307 li hi tal-kiri.
L-inċident seħħ għal ħabta tal-ħamsa ta’ filgħaxija u r-raġel ingħata l-ewwel għajnuna fuq il-post permezz ic-CPR u wara ttieħed l-isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza.
Ir-raġel deher mitluf minn sensieh mal-ewwel fejn huwa mifhum li l-kawża ewlenija tal-inċident kienet minħabba ħass ħazin li tah u sussegwentament tilef il-kontroll tal-karozza. Ir-raġel inħareġ mill-Karozza bil-għajnuna ta’ membri tal-Protezzjoni Ċivili.
Aktar investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin filwaqt li nfetħet inkjesta maġisterjali mmexxija minn Neville Camilleri.