Illum, madwar 700 ħaddiem tal-WasteServ irċevew il-vaċċin ta’ kontra l-COVID-19 mill-membri tat-tim mediku tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, flimkien mal-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia, żar lil uħud minn dawn il-ħaddiema li rċevew il-vaċċin fil-Kwartieri Ġenerali tal-Forzi Armati ta’ Malta f’Ħal Luqa.
WasteServ ġiet milquta mill-COVID-19 hekk kif kien hemm 149 każ reġistrat. Madanakollu, WasteServ adattat għal din ir-realtà ġdida billi ġew introdotti numru ta’ miżuri biex jitnaqqas it-tixrid tal-COVID-19 ħalli l-operat ikun jista’ jibqa’ għaddej mingħajr xkiel.
Fost dawn il-miżuri, inbiddlu l-iskedi ta’ xifts tal-ħaddiema kif ukoll il-ħinijiet tal-brejk biex il-ħaddiema qatt ma jkunu fi gruppi kbar u biex ma jkunx hemm kuntatt bejn gruppi differenti ta’ ħaddiema. Iddaħħlet ukoll is-sistema ta’ hot stand-by ħalli dejjem ikun hemm back-up ta’ ħaddiema f’każ li jkun hemm bżonn li xi ħaddiema jagħmlu kwarantina.
Il-Ministru Aaron Farrugia faħħar ix-xogħol tal-ħaddiema tal-WasteServ li baqgħu għaddejjin bil-ħidma siewja biex iżommu dan is-servizz essenzjali għaddej. Fl-aħħar sena biss, il-WasteServ ipproċessat ’il fuq minn 600 tunellata ta’ skart kliniku fil-faċilitajiet tagħha.
Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne rringrazzja lill-management tal-WasteServ tal-inizjattiva u lill-ħaddiema tal-WasteServ li laqgħu l-istedina tal-awtoritajiet tas-saħħa u ħadu t-tilqima. Id-Deputat Prim Ministru rringrazzja wkoll lill-Armata talli kompliet toffri s-servizz tat-tilqim mill-Barracks ta’ Ħal Luqa.
Waqt din iż-żjara, iż-żewġ ministri kienu akkumpanjati mid-Deputat Kap Kmandant tal-Armata, il-Kurunell Mark Mallia, u l-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ, Richard Bilocca.