Aktar minn 1,700 ħaddiem li joffru servizzi essenzjali għall-familji u n-negozji Maltin qegħdin jirċievu l-vaċċin ta’ kontra l-COVID-19.
It-tilqima għall-ħaddiema tal-Enemalta, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-ARMS bdiet tingħata minn nhar it-Tnejn, fejn hu mistenni li sal-aħħar tal-ġimgħa jkunu tlaqqmu l-ħaddiema kollha.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli żaru ċ-ċentru ta’ tilqim li twaqqaf f’Ta’ Qali, fejn qed jitlaqqmu numru ta’ ħaddiema. Aktar ċentri twaqqfu fl-uffiċċju ewlieni tal-Korporazzjoni f’Ħal Luqa, f’Kordin u fiċ-ċentru ta’ manutenzjoni f’Għawdex.
Għall-ħaddiema tal-Enemalta, saru żewġ ċentri, wieħed f’Delimara u ieħor il-Marsa.
Il-Ministri Chris Fearne u Miriam Dalli faħħru lit-tmexxija tal-entitajiet konċernati għall-mod effiċjenti ta’ kif qed titmexxa l-proċedura biex il-ħaddiema jirċievu t-tilqima, b’mod sigur.
B’mod partikoli, il-Ministru Dalli rringrazzjat lill-ħaddiema tal-kooperazzjoni tagħhom, filwaqt li tenniet li anke l-ħaddiema fis-setturi tal-enerġija u l-ilma huma frontliners fl-oqsma tagħhom. Dan għaliex qed joffru servizz indispensabbli kemm għad-djar u kif ukoll għan-negozji u l-industrija.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne rringrazzja lit-tmexxija tat-tliet entitajiet tal-koperazzjoni tagħhom mal-Awtoritajiet tas-Saħħa biex jitlaqqmu l-ħaddiema.
Irringrazzja wkoll lill-ħaddiema talli aċċettaw l-istedina tad-Dipartimemt tas-Saħħa u ħadu t-tilqima, biex b’hekk jipproteġu lilhom infushom u lil xulxin.