L-MCESD tlaqqa’ bil-għan li jiġi diskuss dokument konsolidat li jgħaqqad il-proposti kollha tal-imsieħba soċjali għall-Budget 2018.
Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli li kienet preżenti għal din il-laqgħa, iddeskriviet dan l-eżerċizzju bħala mod tajjeb u strutturat li jagħti l-opportunità lill-imsieħba kollha jagħtu s-sehem tagħhom f’dan il-proċess konsultattiv.
“B’kooperazzjoni, il-Gvern jista’ jimxi ’l quddiem id f’id mal-imsieħba soċjali”, qalet il-Ministru filwaqt li rringrazzjat lill-membri kollha tal-proposti tagħhom u awgurat diskussjoni produttiva u inklussiva.
L-MCESD se jippreżenta sinteżi ta’ 130 proposta mill-assoċjazzjonijiet membri kollha lill-Ministeru għall-Finanzi. Fost it-talbiet ewlenin tal-imsieħba soċjali hemm it-tisħiħ tal-ammont tal-kapital uman disponibbli, it-titjib fl-infrastruttura urbana u s-servizzi ta’ trasport u ta’ konnettività.
Fl-aħħar tax-xahar il-Ministru għall-Finanzi se jirċievi dan id-dokument konsolidat flimkien ma’ rapporti individwali tal-membri tal-MCESD, ir-rapporti tal-Gozo Regional Committee u tas-Civil Society Committee u l-business plan tal-MCESD għas-sentejn li ġejjin.
L-MCESD se jerġa’ jiltaqa’ fil-preżenza tal-Ministru għall-Finanzi biex dawn il-proposti jkunu diskussi iktar fil-fond.