Il-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech reġa’ ġie affaċċjat b’riżenja oħra.
Din id-darba rriżenja wieħed mill-persuni l-aktar qrib ta’ Bernard Grech.
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista kkonferma r-riżenja tad-Direttur Komunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, Alessandro Farrugia.
Saħaq li huwa rriżenja għar-raġunijiet personali u nħatar Simon Vella Gregory bħala Aġent Direttur Komunikazzjoni tal-partit.
Alessandro Farrugia kien wieħed minn dawk l-aktar qrib il-Kap li ħadem miegħu sa mill-kampanja tiegħu fl-elezzjoni għal Kap.
Farrugia mbagħad kien inħatar bħala d-Direttur tal-Komunikazzjoni tal-partit meta Grech sar Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Farrugia rriżenja mal-erba’ xhur wara li Bernard Grech ingaġġja lil Chris Peregin bħala strateġista tiegħu b’rapporti jgħidu li dan ingħata pakkett ta’ aktar minn sittin elf ewro.
Din ir-riżenja ta’ uffiċjal għoli tal-partit ġejja ftit jiem wara li uffiċjal għoli ieħor tal-partit, Roselyn Borg Knight għażlet li tirtira l-kandidatura tagħha minn mal-partit ta’ Bernard Grech għall-elezzjoni ġenerali li ġejja.
Dan apparti li kien hemm oħrajn li rtiraw jew irriżenjaw minn mal-Partit Nazzjonalista fosthom Therese Comodini Cachia, Tiffany Abela-Wadge, Mark Sammut Sassi u George Muscat.