Fil-kapitali Ġermaniża, Berlin. is-Sibt filgħaxija tela’ s-separju fuq is-sittax-il edizzjoni tal-Logħob Dinji tal-Olimpijadi Speċjali li se jibqgħu għaddejjin sal-25 ta’ Ġunju bit-tema ‘#Unbeatable together’.
Permezz tal-isport, kulħadd se jkun qed jingħaqad flimkien sabiex jiġu ċċelebrati l-inklussività, ir-rispett, u l-imħabba. L-Ispecial Olympics iservu wkoll ta’ vetrina għall-inklussività, li pajjiżna tant jgħożż. Dan l-avveniment sportiv, li huwa mfittex u segwit minn ħafna, joħroġ l-importanza li l-persuna temmen fiha nnifisha u li, jekk temmen fl-abbiltajiet u l-ħiliet tagħha, tasal żgur.
Pajjiżna qed jipparteċipa ma’ 189 pajjiż ieħor f’erbgħa u għoxrin dixxiplina sportiva. Il-kontinġent Malti li huwa ffurmat minn 22 atleta, b’ 5 atleti ‘unified partners’, li se jieħu sehem f’7 dixxiplini sportivi. Malta se tkun qed tieħu sehem fl-għawm, l-atletika, bocce, bowling, ċikliżmu, għawm, u table tennis.
Preżenti għaċ-ċerimonja tal-ftuħ kien hemm il-Kap tad-delegazzjoni u d-Direttur Nazzjonali tal-iSpecial Olympics Malta, Anna Calleja, il-President tal-iSpecial Olympics Malta, Dr Lydia Abela, u l-Assistent Kap tad-Delegazzjoni u Direttur Sportiv tal-iSpecial Olympics Malta, Christabel D’Amato, flimkien ma’ diversi uffiċjali Maltin oħra involuti dan il-Logħob.