Wara xhur ta’ preparamenti, fil-Palazz tal-Granmastru fil-Belt Valletta, uffiċjalment ingħata bidu għall-Malta Biennale.art.
Dan il-biennale, li se jkun mekka tal-kultura u l-arti f’pajjiżna, u l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’pajjiżna, se jara l-bidu uffiċjali tiegħu għada, u jibqa’ sejjer sal-31 ta’ Mejju.
Dan l-akbar avveniment tal-arti f’pajjiżna, se jara s-sehem ta’ diversi artisti, mhux biss minn diversi pajjiżi madwar id-dinja, iżda wkoll se jagħti pjattaforma lill-artisti lokali.
B’hekk ix-xogħol ta’ diversi artisti se jiġi esebit f’aktar minn 20 sit kulturali madwar Malta u Għawdex, bil-MUŻA, li huwa l-Mużew Nazzjonali tal-Arti, se jkun l-padiljun nazzjonali.
It-tema għal dan il-biennale – ‘Baħar Abjad – Imsaġar taż-Żebbuġ’ se titratta wkoll erba’ temi partikolari permezz tal-arti.
Fil-fatt il-Patrun ta’ dan l-avveniment, huwa il-President tar-Repubblika Malti, George Vella.
F’indirizz li għamel il-Prim Ministru Robert Abela, saħaq dwar kif dan il-biennale qed isir f’reġjun li huwa d-dar naturali tal-artisti. Huwa stqarr li huwa kburi li dan l-avveniment qed isir f’pajjiżna, saħansitra taħt il-patronaġġ tal-UNESCO.
Huwa elenka wkoll għall-importanza tal-arti, filwaqt li tkellem dwar l-investiment li sar fuq l-arti u l-kultura, anke permezz ta’ diversi proġetti – għaliex il-Gvern jemmen fl-importanza tal-kultura għal pajjiżna.
“F’dawn l-aħħar 3 snin investejna lil hinn minn €60 miljun. Investiment li se nkomplu nsaħħuħ biex f’pajjiżna nagħmlu wkoll Heritage Park Nazzjonali fl-inħawi ta’ Għar Dalam.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Il-Prim Ministru semma kif is-sena li għaddiet kienet sena rekord fin-numru ta’ viżitaturi fis-siti ta’ Heritage Malta, li tħares u tamministra siti storiċi u kulturali madwar il-pajjiż.
“Is-sena li għaddiet kienet sena rekord fin-numru ta’ viżitaturi fis-siti ta’ Heritage Malta li tħares min-naħa tagħha bħala Aġenzija, tħares u tamministra s-siti storiċi u kulturali li għandna madwar il-pajjiż. In-numru ta’ viżitaturi saħansitra qabeż dak li rreġistrajna fis-snin ta’ qabel il-pandemija. Daqsekk huwa b’saħħtu l-interess fil-patrimonju kulturali tagħna.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, iċ-Chairman ta’ Heritage Malta Mario Cutajar u d-Direttur Artistiku ta’ dan il-biennale, Sofia Baldi Pigi, li lkoll għaddew l-interventi tagħhom.
Il-Ministru Bonnici qal li waqt li bħalissa qed ngħixu żmien ta’ gwerer u tensjoni fl-Ewropa u fil-Mediterran, il-kultura tirrappreżenta l-valuri tal-paċi, tal-kreattivita’ u tal-koperazzjoni. Saħaq li l-Gvern ilu għal ġenerazzjoni sħiħa jinvesti b’saħħa fil-kultura u dan anke bis-saħħa ta’ infrastruttura kulturali ġdida, bħalma sar bil-ftuħ tal-Mużew tal-Arti, il-MUŻA, fl-2018 u kif se jseħħ din is-sena meta jiġu inawgurati l-galleriji tal-Ispazju Internazzjonali tal-Arti Kontemporanja, il-MICAS, fil-ħarifa li ġejja.
Fakkar kif l-istorja ta’ Malta turi għadd ta’ artisti, li fetħu konversazzjoni artistika ma’ pajjiżna, minn Caravaggio għal Favray, minn Mattia Preti għal Victor Pasmore.
Dan il-festival internazzjonali tal-Arti, huwa mistenni li jattira lejn pajjiżna, eluf ta’ persuni.
Il-maltabiennale, qed ikun organizzat minn Heritage Malta permezz ta’ MUŻA, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali tal-Arti u diversi entitajiet.