Malta kompliet tisħaq dwar l-importanza tat-tisħiħ tal-fond ta’ koeżjoni, tal-fondi tal-iżvilupp rurali u tal-fond dwar l-immaniġġjar tal-fruntieri. Fisser dan il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis, waqt li attenda għall-Kunsill dwar l-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea li tlaqqa’ llum fi Brussell.
F’dan il-Kunsill saru l-aħħar tħejjijiet għall-Kunsill Ewropew li se jsir fi tmiem din il-ġimgħa bejn il-mexxejja Ewropej, waqt li ġew diskussi ukoll l-andament tan-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027, u s-saltna tad-dritt fil-Polanja u l-Ungerija.
Fil-marġini tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ġenerali, il-Ministru Zammit Lewis ltaqa’ mal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Valuri u t-Trasparenza Vera Jurova, kif ukoll mal-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza Helena Dalli.
Ritratti: MEAE