Ix-xogħlijiet ta’ restawr fil-Berġa tal-Ingilterra fil-Birgu, li bdew f’Mejju li għadda, mistennijin jiġu finalizzati sal-aħħar tax-xahar id-dieħel.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata, fost l-oħrajn. mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli.
Il-Berġa tal-Ingilterra kienet waħda mis-seba bereġ li l-Kavallieri ta’ San Ġwann kienu bnew fil-Birgu mal-wasla tagħhom f’Malta fl-1530. Din il-binja kienet inkluża fl-Antiquities List tal-1925 u hija binja skedata bħala Grad 1. Illum, din il-berġa qed isservi bħala ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Birgu.
Il-Perit responsabbli mix-xogħlijiet, Timothy Portelli, spjega x-xogħol li kien jirrikjedi dan ir-restawr. Hu qal li fost ix-xogħol li sar, ir-restawr fil-ġebel u l-aperturi tal-faċċata kien jirrikjedi l-iktar xogħol.
“Analizzajna ġebla ġebla biex ikollna aktar idea ċara ta’ x’tirrekjedi l-faċċata bħala xogħol, bdejna bit-tindif tal-faċċata, speċjalment fil-piano nobile. Imbagħad għaddejna għas-sular ta’ isfel, fejn kellna niftħu l-fili kollha li kienu tas-siment, li jagħmlu l-ħsara lil ġebla. Fis-sular ta’ fuq pruvajna kemm jista’ jkun insalvaw il-fili oriġinali u rrikreajna biċċiet li maż-żmien intilfu”
Preżenti għal-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm il-Viċi Sindku tal-Birgu, Christopher Cassar. Huwa qal li restawr bħal dan fil-belt tal-Birgu kien importanti ħafna. Spjega li din il-berġa hija ta’ utilità għall-Ġirbin.
“Matul dawn is-snin se tintuża għal ħafna affarijiet li ikollu l-Kunsill Lokali; korsijiet għall-adulti, korsijiet għat-tfal, logħob, u dak kollu li jirrekjedi l-Birgu, peress li l-post huwa ċentrali.”
Dan ix-xogħol ta’ restawr jifforma parti minn ħidma li saret mid-Direttorat tar-Restawr, b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Kottonera u l-Kunsill Lokali tal-Birgu.