Mill-Ħadd li ġej, fiċ-Ċentri tas-Saħħa madwar Malta u Għawdex, se jitkompla jingħata s-servizz b’xejn tat-tilqim kontra l-influwenza. Dan hekk kif illum waranofsinhar waslet it-tieni kunsinja tal-vaċċin tal-influwenza.
Fi stqarrija, il-Ministeru għas-Saħħa spjega kif għat-tilqima ser jingħataw prijorità persuni ‘l fuq minn ħamsa u ħamsin sena, tfal li għandhom bejn tliet snin u ħames snin u persuni li huma ċċertifikati li jbatu minn mard kroniku.
Iċ-ċentri tas-saħħa kollha se jkunu miftuħa mit-tmienja ta’ filgħodu sas-sebgħa ta’ filgħaxija fejn tfal bejn it-3 snin u l-5 snin u tfal sa 9 snin li jbatu b’mard kroniku jistgħu jirċievu l-vaċċin miċ-ċentri tas-saħħa tal-Mosta, Floriana, Raħal Ġdid u Għawdex.
Kull min imur jieħu l-vaċċin kontra l-influwenza għandu jieħu miegħu l-karta tal-identità u fil-każ tal-persuni li jbatu b’mard kroniku trid tkun ppreżentata l-kartuna s-safra jew ċertifikat tat-tabib li turi l-kundizzjoni medika tal-persuna.
Mit-Tnejn 7 ta’ Diċembru l-vaċċin jibda jingħata lill-pubbliku inġenerali.