Il-familji tal-ġurnalist u t-tfajla tiegħu li nżammu mill-awtoritajiet wara li kienu fuq ajruplan li kien imġiegħel jinżel fil-Belarus, esprimew it-tħassib tagħhom għas-sigurtà tal-għeżież tagħhom.
Roman Protasevich u t-tfajla Russa Sofia Sapega qed jinżammu arrestati.
F’filmat li xxandar fuq il-midja soċjali, omm il-ġurnalist appellat lill-komunità internazzjonali biex titkellem f’isimhom u ssalvahom.
L-awtoritajiet qalu li t-tfajla tal-ġurnalist se tibqa’ tinżamm arrestata għal minn tal-inqas xahrejn.
Sapega u Protasevich ġew arrestati l-Ħadd, wara li ajruplan b’titjira minn Ateni lejn Vilnius, ġie ordnat jinżel f’Minsk.
Pajjiżi tal-Punent akkużaw lill-Belarus bi “ħtif” tal-ajruplan tar-Ryanair, u bosta linji tal-ajru qalu li mhux se jtiru minn fuq il-Belarus minħabba dak li ġara.