Il-President ta’ Malta George Vella ltaqa’ mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf, Dr. Nayef Falah Al-Hajraf, waqt żjara li għamel f’pajjiżna.
Fi stqarrija mill-Uffiċċju tal-President intqal kif waqt il-laqgħa fil-Palazz ta’ Sant Anton ġiet diskussa s-sitwazzjoni fir-reġjun tal-Golf.
Il-President fakkar li r-relazzjonijiet bejn Malta u l-Golf bħalissa qed jissawru fil-qafas ta’ ftehim li jinkludi wkoll pjan ta’ azzjoni ffirmat f’Jannar tal-elfejn u sbatax.
Huwa fakkar kif pajjiżna dejjem ħeġġeġ it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf innota kif il-Kunsill jafda lil Malta u li pajjiżna huwa meqjus bħala l-bieb tal-membri għall-Ewropa.
Il-President ta’ Malta mistenni jżur ir-reġjun tal-Golf is-sena d-dieħla.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Evarist Bartolo akkumpanja lill-President f’din il-laqgħa u ftit wara laqa’ lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill fil-binja tal-Ministeru fil-Belt.