“Dan kien l-agħar xenarju li qatt seħħ matul dawn is-seba’ snin ta’ ħidma tiegħi fid-Dipartiment tal-emerġenza.”
Hekk sostna wieħed mit-tliet persuni li kienu aggrediti fir-Rabat waqt li kienu qed jaqdu dmirijiethom bħala parti mill-ekwipaġġ fuq ambulanza.
F’messaġġ fuq Facebook hu spjega kif ġew abbużati kemm verbalment kif ukoll fiżikament waqt li kienu qed jaqdu dmirijiethom jgħinu lin-nies.
Spjega li l-pubbliku għandu jirrispetta xogħlhom hekk kif huma jkunu qed jagħmlu ħilithom biex iwasslu l-aqwa servizz waqt każijiet li jkunu emerġenzi vera, u mhux kif qed issir aktar komuni tul dan l-aħħar żmien fejn hemm min juża l-ambulanza bħala taxi b’xejn.
Hu rringrazzja tliet persuni li dakinhar kienu huma li offrew l-għajnuna tagħhom meta l-każ eskala għal punt perikoluż għall-pazjenti l-oħrajn.
Spjega li kieku ma kinux dawn il-persuni li waqqfu lill-aggressur, jaf li llum il-ġurnata mhux qed jikteb dan il-messaġġ. Hu rringrazzja wkoll liż-żewġ kollegi tiegħu li għalkemm ix-xena ma kinitx waħda sigura xorta waħda wettqu xogħlhom b’mod professjonali u b’dedikazzjoni biex iwasslu l-kura lill-pazjenti l-oħra.
Temm billi qal “Ħadd ma ħaqqu jiġi ttrattat b’dan il-mod.”