‘Li tara li l-istat innifsu jirrikonoxxi l-ħajja ta’ poeta hija xi ħaġa importanti ħafna’
Dan kien kliem l-awtur Trevor Zahra meta ma’ ONE News tkellem dwar kif l-istat se jagħmel mafkar lill-Profesur Oliver Friggieri, il-poeta tant maħbub li miet f’Novembru li għadda.
Hawnhekk, l-awtur qal li b’din l-inizjattiva li ħa l-Gvern, il-ġgant letterarju li kien il-Professur Friggieri, mhu se jmut qatt.
“L-aħbar li l-istat se jagħmel monument lil Oliver Friggieri żgur intlagħqet tajjeb minn kull min għandu għal qalbu l-kultura u l-identità tagħna. Meta pajjiż jonora persuna importanti li n-nies importanti tiegħu mhux biss jonorawhom iżda wkoll jonoraw lilu nnifsu bħala pajjiż.”
Ftit tal-jiem oħra se jintlaqgħu d-disinji għal mafkar li se jinkixef f’Novembru li ġej, f’għeluq is-sena mill-mewt tal-Professur Friggieri.
Zahra laqa’ wkoll il-fatt li l-Gvern kien iddeċieda li l-funeral tal-Professur Friggieri jiġi organizzat mill-istat, xi ħaġa li lanqas il-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila ma kellu.
“Ta’ min isemmi li Dun Karm innifsu ma kellux funeral statali. Jien kont tifel u mort il-funeral ta’ Dun Karm f’Ħaż-Żebbuġ fejn kien sar funeral żgħir qisu xi ħaġa parrokkjali.”
Zahra saħaq li l-Professur Friggieiri ta lill-letteratura Maltija l-libsa xjentifika fl-analiżi tal-Kritika letterarja u li hu l-punt tar-referenza fl-istudju tal-kritika letterarja.
Oliver Friggieri hu meqjus patrijott, u x-xogħlijiet tiegħu huma punt ta’ referenza għall-imħabba kbira li għandu għal pajjiżna, fejn diversi drabi isejjaħ lil artna bħala Omm.
“Għal Oliver l-omm kellha żewġ tifsiriet, kien hemm omm naturali tiegħu li kienet maħbuba ħafna u semmiet ħafna fil-poeżiji u r-rumanzi tiegħu, fejn dejjem tidħol il-figura tal-omm. Imma imbagħad bejn il-linji hija Malta li hija l-omm li tagħżel l-għeruq tagħha.”
Zahra appella lill-Maltin biex jagħtu monument ħaj lill-Professur Friggieri billi jaqraw id-diversi kotba u poeżiji tiegħu biex verament nonoraw lil dan il-ġgant Malti.
“Jien nappella biex il-poplu jagħtuh monument ħaj billi jaqra ix-xogħlijiet tiegħu għax b’hekk inkunu tassew qed nagħtu ġieħ lil Oliver Friggieri.”