Kull ma jmur Għawdex qed jattira turist ta’ kwalita’ permezz tax-xogħol ta’ tisbiħ li qed isir minn żmien għal żmien fil-gżira tat-tlett għoljiet.
Waqt laqgħa oħra mis-sensiela Gvern li jisma’ fil-pjazza tal-Katidral fiċ-Ċittadella, il-Ministru Anton Refalo semma kif fl-ewwel kwart tas-sena, it-turiżmu f’Għawdex żdied b’figura rekord ta’ 58%.
Il-Ministru Refalo spjega kif dan intlaħaq anki permezz tat-traġitti iżjed spissi mill-kumpanija Gozo Channel.
Qal li bit-traħħis fin-nollijiet u ż-żieda fil-vjaġġi, fl-ewwel ħames xhur tas-sena, il-Gozo Channel daħħlet erba’ mitt elf ewro.
Dwar it-turiżmu f’Għawdex intervjena wkoll il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis li tkellem dwar prinċipju kardinali li fis-settur turistiku, Għawdex m’għandux igawdi minn dak il-ġid li jaqa’ minn fuq Malta.
Il-Ministru Refalo tkellem ukoll dwar il-kunċett tal-Fast Ferry u sostna li bħalissa għaddej studju dwar dan u l-mina ta’ taħt l-art bejn il-fliegu. Irrefera wkoll għall-proġett ta’ tisbiħ taċ-Ċittadella u qal li l-isfida li jmiss hija li din il-belt tkun waħda iżjed vibranti, speċjalment bil-lejl.
Ħabbar li dwar dan għaddej pjan ħolistiku u fiż-żmien li ġej se jkun qed jinħatar kumitat magħmul mill-istakeholders kollha sabiex bl-appoġġ finanzjarju tal-Gvern ikun dan il-kumitat li jmexxi ċ-Ċittadella.
Il-Ministru Refalo qal ukoll li fil-jiem li ġejjin, il-MEPA mistennija tiddeċiedi fuq il-bini tal-Qorti l-ġdid flimkien ma’ kumpless ta’ parkeġġ ta’ erba’ sulari li mistenni jtaffi mill-problema ta’ parkeġġ fir-Rabat Għawdex.
Il-Ministru għal Għawdex tkellem ukoll dwar il-viżjoni tal-Gvern ta’ xogħol ta’ kwalita’ għall-Għawdxin, f’Għawdex stess.
Huwa qal li f’din il-gżira żdiedu aktar minn elf ħaddiem full time filwaqt li rrefera wkoll għax-xogħolijiet li saru fit-toroq fejn fi tlett snin saru mas-sbatax -il kilometru ta’ tarmak.
Il-Ministru Refalo semma l-bini tal-ewwel dar tal-anzjani f’Għajnsielem u spjega kif ix-xogħolijiet għaddejjin b’ritmu liema bħalu biex b’hekk sal-aħħar ta’ din is-sena mistenni jitlesta l-bini fuq din id-dar.