Daħlu fi stadju avvanzat ix-xogħlijiet fuq it-tkabbir taċ-Ċimiterju Omm tal-Ħniena fil-Mellieħa b’investiment ta’ erba mitt elf ewro. Proġett li ilu jiġi mwiegħed is-snin madankollu baqa’ fuq l-ixkaffa.
L-oqbra f’dan iċ-ċimiterju li jinsabu ftit qabel il-bajja tal-Għadira, ser jirduppjaw hekk kif bħalissa qed jinbnew tmienja u sittin qabar ġdid li ser jinbiegħu lill-privat flimkien ma’ tmienja oħra li ser jintużaw bħala oqbra tal-Gvern imsejħa tal-Komun.
Fi żjara li għamel id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal kif diġà beda xogħol biex jitkabbar iċ-ċimiterju tal-Addolorata filwaqt li sal-aħħar tax-xahar mistennija jibdew ix-xogħlijiet infrastruturali biex jinbnew elfejn u tmien mitt qabar ġdid.
Mr. Fearne qal li “Ix-xogħol issa beda fi ftit tal-ġimgħat oħra jkun diġa beda u allura dawk in-nies li kellhom diġà l-konvenju ffirmat ’il fuq minn 1400 ruħ, u anke dawk li għadhom interessati il-proċess beda u fi żmien 3 snin ikollna l-ewwel oqbra f’idejna”
Huwa qal ukoll kif mistennija tibda d-diskussjoni fil-Parlament dwar il-kremazzjoni. Qal li la darba l-liġi tgħaddi mill-Parlament ser ikun qed jitnaqqas ukoll il-piż minn fuq iċ-ċimiterji.
Is-Sur Clive Tonna Direttur tas-Saħħa Ambjentali spjega li x-xogħlijiet fiċ-ċimiterju tal-Mellieħa kien waqfu snin twal ilu minħabba l-blat iebes li hemm fiż-żona. Iż-żona li fuqha għaddej it-tħaffir baqgħet abbandunata.
Permezz ta’ dawn ix-xogħlijiet ser tonqos bin-nofs il-lista ta’ stennija għall-oqbra fil-Mellieħa li bħalissa hi ta’ mija u sittin.
Tonna qal li “Tajjeb ngħid li f’dan iċ-ċimiterju bħalissa ma hawnx oqbra tal-komun u għaldaqstant ovvjament wieħed se jservi biex jgħaqqdi n-nies ta’ dawn l-akkwati pero wkoll se jsir tisbiħ taċ-ċimiterju u jiġi rranġat il-ħajt u jinbidlu l-gradi flimkien ma’ restawr tal-grada”.
Madankollu bix-xogħol tat-tkabbir fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata flimkien ma’ dak fil-Mellieħa mistennija tispiċċa l-lista ta’ stennija għall-oqbra. Dan hekk kif bħalissa din il-lista hi ta’ madwar elfejn persuna jistennew qabar filwaqt li ser jinbnew elfejn u tmien mitt qabar.