Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret li se jseħħu xogħlijiet biex jitjiebu l-faċilitajiet tas-sajjieda Għawdxin fil-Port tal-Imġarr.
Ix-xogħlijiet marbuta maż-żona u li qed isiru b’kollaborazzjoni ma’ Transport Malta, se jikkonsistu fost l-oħrajn fit-tindif ta’ qiegħ il-baħar, f’xogħol fuq il-moll u fiż-żewġ slipways, fil-bdil tal-puntuni l-qodma kif ukoll fil-ħolqien ta’ postijiet għal irmiġġi ġodda. Dan jiffaċilita l-perkors tal-ilma mill-wied għall-Port tal-Imġarr u anke jservi ta’ kumdità għas-sajjieda biex jimmanuvraw l-opri tal-baħar tagħhom. Is-slipways se jsiru aktar aċċessibbli.
Fażi oħra mill-proġett se tikkonsisti fil-bdil tal-puntuni eżistenti li ma nbidlu qatt kemm ilhom li ġew installati. Se jiżdiedu wkoll l-ispazji tal-irmiġġi għas-sajjieda Għawdxin. Dan hekk kif preżentament hemm allokati 197 post u bir-riġenerazzjoni proposta l-ispazji se jitilgħu għal 254, żieda ta’ 57 post ġdid ta’ rmiġġ f’Għawdex.
Il-Ministru għal Għawdex qalet li dan il-proġett jitqies bħala prijorità tant li ġie nkluż fil-budget ta’ din il-leġiżlatura. Sostniet li din ir-riġenerazzjoni se żżid l-ammont ta’ rmiġġi preżenti. Hu stmat li l-prpett se laħħaq mal-4 miljun ewro.