Dalgħodu l-Qorti semgħet ix-xhieda xokkanti ta’ negozjant li ndarab f’għonqu waqt li prova jservi klijent fil-pastizzerija tiegħu madwar xahar ilu.
Nicholas Bezzina stqarr quddiem il-Qorti ppresedutha mill-Maġistrat Rachel Montebello li l-akkużat kien ħabib tiegħu u qabel ma tah tlett daqqiet b’xafra f’għonqu, Bezzina kien tah x’jiekol u x’jixrob.
Meta l-vittma dar lejn il-forn l-akkużat, Gordon Calleja ta’ erbgħa u erbgħin sena, mar minn warajh u qallu ‘se noqtlok’. Wara qallu wkoll li jekk verament iħobbu u jirrispettah, għandu jagħtih flusu.
Il-vittma ħarab u mar l-għassa tal-pulizija wara li qal lill-akkużat li kien ser imur iġib il-flus mill-karozza tiegħu.
Jidher li l-vittma kien klijent regolari u l-vittma qatt ma talbu flus għall-ikel għax kien jikkunsidrah bħala ħabib. Tant li ġieli ħadu jiekol u ġieli sajjarlu.
Jidher li l-akkużat irnexxielu jċarrat lil vittma minn taħt widnejh għal nofs għonqu u kawża ta’ dan tilef ħafna demm u kellu jagħmel operazzjoni ta’ tlett sigħat
Huwa mifhum li l-akkużat seraq madwar tlett mija u sittin ewro u telaq mill-ħanut wara li uffiċjali tal-pulizija waslu fuq il-post. L-akkużat saħansitra qal lil wieħed mill-uffiċjali li kien se jkun id-dar jekk kien se jiġi bżonnu.
Meta Calleja ġie miżmum mill-pulizija nstab li kellu fuqu xi tip ta’ mediċina u anki stqarr mal-pulizija li kien hu li kkawża l-ġrieħi lill-vittma.