Wara li fl-aħħar jiem ġew ikkordinati titjiriet biex persuni li nstabu jgħixu f’Malta illegalment ma jibqgħux f’pajjiżna, 184 persuna m’għadhomx f’pajjiżna.
Dan filwaqt li għaddejja l-ħidma biex il-kumplament tal-persuni arrestati, ma jibqgħux jgħixu Malta.
Ħabbar dan il-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà fi stqarrija, li fiha ġie spjegat kif fl-operazzjonijiet tal-aħħar ġimgħat kienu arrestati 208 persuni li nstabu jgħixu f’Malta illegalment.
In-nazzjonalitajiet tagħhom kienu minn diversi pajjiżi Afrikani, Ażjatiċi, mil-Lvant tal-Ewropa, u mill-Amerka t’Isfel.
Fl-aħħar ġimgħat din il-ħidma kkordinata ta’ infurzar, tat attenzjoni partikolari lil Raħal Ġdid, il-Fgura, il-Marsa, il-Ħamrun, Ħ’Attard, Buġibba, San Pawl il-Baħar u Għawdex.
Fl-istess ħidma kien identifikat allegat ksur ta’ liġi ieħor tant li persuni tressqu l-qorti. Din il-ħidma kontinwa fil-qalba tal-lokalitajiet hi parti minn strateġija maħsuba bil-għan li jkollna lokalitajiet iktar siguri fejn jintbagħat messaġġ ċar li l-ksur tal-liġi m’għandux ikun ittollerat.
Lanqas hu ttollerat li l-istatus irregolari ta’ persuni fostna jwassal biex ikunu sfruttati u għalhekk ittieħdu passi li jwasslu dan il-messaġġ ċar.