Ittellgħu l-poloz tat-360Sports Malta Premier, il-kampjonat prinċipali tal-futbol f’pajjiżna, b’format, identità u kunċett ġodda, flimkien ma’ dehra ġdida wkoll.
Fil-fatt l-Erbgħa filgħodu sar magħruf kif, għall-istaġun li jmiss 2024-2025, se jilagħbu t-tnax-il tim parteċipant, li huma ċ-champions renjanti Ħamrun Spartans, Floriana, Sliema Wanderers, Marsaxlokk, Birkirkara, Hibernians, Balzan, Naxxar Lions, Mosta, Gżira United u ż-żewġ timijiet promossi Melita u Żabbar St Patricks.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Grawnd taċ-Ċentinarju, tħabbar li l-ewwel logħbiet ta’ dan il-kampjonat b’format għal kollox rinnovat se jintlagħbu fi tmiem il-ġimgħa tas-17 u t-18 t’Awwissu li ġej.
Fl-ewwel ġurnata tal-kampjonat, iċ-champions Ħamrun jiffaċċjaw lit-tim promoss ta’ Żabbar St Patricks.
Saru wkoll magħrufin il-logħbiet kollha tar-rawnd inizjali hekk kif ġie żviluppat algorith apposta speċifiku għal dan il-kampjonat.
Il-logħbiet se jibqgħu jintlagħbu fil-Grawnd Nazzjonali, fil-Grawnd taċ-Ċentinarju, fil-Victor Tedesco Stadium fil-Ħamrun u fit-Tony Bezzina Stadium f’Kordin, waqt li logħba partikolari se tintlagħab f’Għawdex.
Fl-istess konferenza tkellem iċ-Chairman tal-Premier League Limited, l-Awditur Alan Abela, li awgura lit-timijiet kollha għal dan il-kampjonat.