Il-grupp Malta Peakers huwa parti minn inizjattiva li kienet imwaqqfa fl-2015 mill-attur prinċipali tas-serje televiżiva popolari Outlander, Sam Heughan. Dan huwa attur Skoċċiż bi mħabba kbira għan-natura u t-taħriġ fiżiku. Hu xtaq li jispira lin-nies li jsegwuh biex b’xi mod jagħmlu l-ewwel pass biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom filwaqt li jgħinu lil ħaddieħor.
Il-grupp Malti ilu jiffunzjona għal dawn l-aħħar sentejn tista’ tiddeskriviha bħala għaqda ta’ nies li jixtiequ jsiru verżjoni aħjar tagħhom infushom permezz ta’ sfidi li jagħmlu lilhom infushom. L-isfidi jvarjaw minn individwu għal ieħor: tista’ tkun sfida fiżika – tiġri maratona, titla’ muntanja, tonqos fil-piż, titla’ taraġ mingħajr ma taqta’ nifsek – jew kwalunkwe ħaġa oħra – taqbad l-arti, issegwi kors l-Università, issib il-kuraġġ biex tbiddel ix-xogħol.
Tlett membri minn dan il-grupp din is-sena iddeċidew li jimirħu barra l-pajjiż bħala parti minn din l-isfida. Infatti, huma ha jitilgħu l-aktar muntanja għolja fl-Iskozja – il-Ben Nevis. Dan sabiex jinġabru fondi għal Bloodwise organizzazzjoni li taħdem fuq riċerka għal kura tal-kanċers tad-demm.
Aktar aġġornamenti u donazzjonijiet jistgħu jsiru fuq is-sit https://www.justgiving.com/fundraising/maltapeakers-conquer-ben-nevis