B’investiment ta’ €700,000 il-Gvern kkonkluda b’mod definittiv il-proċess tax-xiri tas-sede tal-Għaqda Soċjo-Mużikali Anici ta’ Ħal Qormi.
Din il-proprjeta’ tingħaqad ma’ sebgħa binjiet oħra okkupati minn Soċjetajiet Mużikali oħra li issa l-Gvern hu s-sid tal-binja prinċipali li minnha joperaw dawn is-soċjetajiet.
Fl-istess waqt il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali flimkien mal-Kunsill Malti għall-Arti, jinsab f’konvenju għax-xiri ta’ erbgħa sede ta’ Soċjetajiet Mużikali oħra.
Dawn it-tnax-il Soċjeta’ kienu f’riskju serju ta’ żgumbrament minħabba s-sitwazzjoni legali marbuta mal-liġijiet tal-kera ta’ qabel l-1995.
Il-President ta’ dan il-każin, Claudia Muscat qalet kif is-soċjetà issa għandha serħan il-moħħ, li sitta u tletin sena wara minn meta nfetaħ dan il-każin, mhux se tispiċċa mingħajru.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, Arti, u Gvern Lokali Owen Bonnici spjega kif il-Gvern ħa l-inizzjattiva sabiex isalva dawn is-soċjetajiet mużikali li huma s-sisien tal-festa Maltija f’kull kommunita’ għaliex jemmen f’futur b’iktar kultura fl-irħula u bliet tagħna.
Filwaqt li enfasizza li l-Gvern huwa konsepevoli mill-benefiċċji sinifikanti li joħorġu mill-kontribut li l-festi Maltin jagħtu lill-pajjiż, huwa saħaq li hu kruċjali li dawn is-Soċjetajiet Mużikali jibqgħu jiffunzjonaw u jibqgħu aċċessibbli għall-komunitajiet rispettivi tagħhom. Huwa enfasizza d-deċiżjoni tal-Gvern li jintervjeni biex jixtri l-każini li kienu f’riskju imminenti ta’ żgumbrament bħala waħda importanti mmens għat-tisħiħ tas-settur kulturali, speċjalment meta wieħed iqis ir-rikonoxximent riċenti mill-UNESCO tal-Festa Maltija bħala Wirt Intanġibbli tal-Umanità.
B’kollox il-Gvern hu mistenni li jinvesti total ta’ EUR19-il miljun meta wieħed iqis l-ammont li diġa’ ġie investit fl-akkwist tat-tmien proprjetajiet imsemmija u l-ammont li jrid jinħareġ meta wieħed iqis l-erbgħa proprjetajiet l-oħra li għad irid isir kuntratt finali dwarhom.