Telgħu għal 600 d-donazzjonijiet minn applikanti tal-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment li fost l-impenn tagħhom li bħala ċittadini ġodda ta’ dan il-pajjiż jżommu rabta ma’ Malta hemm il-filantropija u l-għajnuna lil dak li jagħmilna Maltin.
Il-gazzetta KullĦadd tista’ tikkonferma li sa issa gawdew 99 entità.
Kif tħabbar bi prominenza fl-aħħar jiem mis-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia fost l-entitajiet li bbenefikaw minn dawn l-għotjiet kien hemm Puttinu Cares, li rċevew madwar miljun ewro. Dan flimkien mal-€5 miljun imħabbra mill-Prim Ministru fil-Ġimgħa l-Kbira li għaddiet, allokati mill-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali (NDSF). Dawn il-fondi se jservu biex Puttinu Cares jakkwista art fiċ-ċentru ta’ Londra. Iżda l-fatt li l-Programm se jservi ta’ katalist sabiex jiżdiedu l-possibbiltajiet t’akkomodazzjoni b’xejn għall-pazjenti li jitilgħu għall-kura fl-Isptar Great Ormond Street, f’Londra, mhux każ iżolat.
Hemm ħafna organizzazzjonijiet oħra li gawdew mill-fondi ġġenerati. Riċentement, kulħadd ħa pjaċir isegwi l-istorja tat-tfal tal-Istitut tal-Ursolini li grazzi għall-ġenerożità ta’ dawn iċ-ċittadini Maltin ġodda issa qed iqattgħu l-ħin liberu tagħhom mdawrin b’bandli moderni. Smajna wkoll kif Heritage Malta użat €150,000 ġġenerati mill-Programm biex jiġu rrestawrati siti storiċi bħas-Sala l-Kbira fil-Berġa ta’ Provenza, jinxtraw 12-il qanpiena għall-Mużew Marittimu, fil-Birgu, u biex isir xogħol ieħor li jsebbaħ l-esperjenza ta’ Għar Dalam. Id-Dar tal-Providenza wkoll irċevew €167,000 biex itaffu l-ispejjeż tal-operat tagħhom. Dal-ġid kollu huwa biss qatra f’oċean, li se jwassal biex jitmewġu għajnuniet oħrajn b’riżultat, għaliex il-klijenti tal-Programm iħossuhom tassew ċittadini Maltin u jħossu li għandhom jibqgħu jgħinu lis-soċjetà Maltija, fis-silenzju u mingħajr daqq ta’ trombi.
“Għalhekk, huwa diffiċli tesprimi dan il-ġid b’numru definit, imma dawn huma l-fatti tanġibbli ta’ kif qiegħda tibbenefika l-komunità Maltija,” qal Kelliem għall-Programm.
Il-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment (ĊBI) ta’ Malta sikwit ikun fl-aħbarijiet għaliex huwa meqjus bħala l-aqwa wieħed fl-industrija u regolarment jingħata rikonoxximent minn aġenziji barranin u esperti fis-settur. Sar awtorità rinomata grazzi għar-reqqa liema bħala fil-proċess tad-due diligence li jħaddan, waqt li jħalli ġid ekonomiku kbir fil-pajjiż.
Tajjeb li jissemma li din in-niċċa ekonomika ġdida kompliet iddawwar ir-rota tal-industrija finanzjarja f’Malta. Għexieren ta’ kumpaniji kibru, komplew jinvestu u issa qed iservu ta’ aġenti biex jiggwidaw lill-klijenti tagħhom biex japplikaw u jtemmu b’suċċess il-proċess tal-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza Maltija. Żdied ix-xogħol għall-professjonisti fis-settur, bħal nutara, avukati, periti, u oħrajn f’industriji u f’servizzi oħra affettwati kemm direttament kif ukoll indirettament, bħal bennejja u xufiera fost ħafna oħrajn.
Jekk wieħed jagħmel analiżi imparzjali u oġġettiva, il-pożittiv huwa ferm ikbar min-negattiv. Kull applikazzjoni tgħaddi minn għarbiel tassew fin, għal wieħed tnejn u anke tlieta, sabiex jitħarsu l-interessi taċ-ċittadini Maltin u għalhekk ta’ Malta, u fuq skala ikbar, taċ-ċittadini Ewropej u għalhekk tal-Ewropa. Id-dħul minn kull ċittadinanza huwa l-ogħla fl-industrija, u dan qed imur biex jissaħħu l-qafas soċjali u l-infrastruttura lokali.
“L-unika soluzzjoni li jibqgħalhom il-kritiċi huwa li jiżirgħu ż-żerriegħa tad-dubju u joħolqu ideat foloz dwar l-industrija u l-applikanti nfushom. Ir-realtà wara l-Programm taċ Ċittadinanza b’Investiment hija ferm differenti minn hekk u l-poplu Malti qed jagħraf dan,” żied jispjega kelliem għall-Programm.