l-investigazzjoni dwar allegat abbuż mis-sahra fit-Taqsima tat-Traffiku fi ħdan il-Korp tal-Pulizija għadha għaddejja u n-numru ta’ Pulizija arrestati tela’ għal 40. Dan qalitu stqarrija tal-Pulizija fejn spjegat ukoll li t-total ta’ uffiċċjali li ġew sospiżi u ngħataw il-Police Bail sa issa tela’ għal 25.
Il-Korp tal-Pulizija aċċetta wkoll ir-riżenja ta’ 4 uffiċċjali minn din it-taqsima.
L-investigazzjoni qed issir fuq l-allegat abbużi li saru l-aktar fl-2019. Allegatament il-Pulizija kienu jirrappurtaw li jkunu ‘extra duty’ iżda minn stħarriġ li sar fis-sistema tad-datatrak tal-muturi, instab li qatt ma rrappurtaw għax-xogħol. It-Tlieta l-pulizija bdiet tinvestiga mal-35 uffiċjal tal-Pulizija fosthom żewġ Spetturi u Surġenti mit-taqsima tat-traffiku. Din l-investigazzjoni wasslet ukoll sabiex it-taqsima spiċċat b’nuqqas t’uffiċjali. Fil-fatt, l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Carmelo Magri bagħat sejħa lill-membri kollha tal-korp biex min għandu liċenzja tas-sewqan tal-mutur, jew min qiegħed jitħareġ sabiex ikollu l-liċenzja tas-sewqan, u hu interessat jissieħeb fit-taqsima tat-traffiku jista’ japplika sal-21 ta’ Frar.
Fil-frattemp ġie skattat pjan ta’ kontinġenza fejn Pulizija minn skwadri oħra flimkien ma’ uffiċċjali ta’ Transport Malta u l-Lesa qed ikunu fit-toroq jimmaniġjaw il-moviment tat-traffiku.