Il-Pulizija mill-Iskwadra tar-Reati Ekonomiċi u mill-Uffiċċju tal-Affarijiet Interni komplew bl-investigazzjonijiet tagħhom b’rabta mal-allegat abbuż mis-sahra mill-uffiċjali tal-pulizija fis-sezzjoni tat-traffiku.
Ġie irrapportat li r-rizenja is-Supretendent Walter Spiteri li kien imexxi t-taqsima tat-traffiku tal-Pulizija.
Ir-rizenja tiegħu waslet wara li fl-aħħar sigħat Walter Spiteri ġie mitkellem mit-taqsima ta’ kontra r-reati ekonomiċi tal-Pulizija minħabba l-allegat involviment tiegħu f’xibka ta’ abbuż mis-sahra mill-pulizija li kienu jaħdmu fis-sezzjoni tat-traffiku.
Rapporti qalu li meta ffaċċjat bil-provi tal-allegat abbużi fl-extra duty tal-Pulizija fit-taqsima tat-traffiku tal-pulizia, Walter Spiteri rriżenja minn Supretendent mill-ewwel. Mhux eskluż li jirriżenjaw uffiċjali oħrajn fil-Korp tal-pulizija li huma implikati jew kienu responsabbli mill-uffiċjali involuti.
It-Tlieta l-pulizija bdiet tinvestiga mal-35 uffiċjal tal-Pulizija fosthom żewġ Spetturi u Surġenti mit-taqsima tat-traffiku.
Minħabba din l-investigazzjoni t-taqsima spiċċat mingħajr uffiċjali.
Fil-fatt, l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Carmelo Magri bagħat sejħa lill-membri kollha tal-korp biex min għandu liċenzja tas-sewqan tal-mutur, jew min qiegħed jitħareġ sabiex ikollu l-liċenzja tas-sewqan, u hu interessat jissieħeb fit-taqsima tat-traffiku jista’ japplika sal-21 ta’ Frar.
L-investigazzjoni qed isir fuq l-allegat abbużi li saru l-aktar fl-2019. Allegatament il-Pulizija kienu jirrappurtaw li jkunu ‘extra duty’ iżda minn stħarriġ li sar fis-sistema tad-datatrak tal-muturi, instab li qatt ma rrappurtaw għax-xogħol.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin, minkejja li mhux mistennija jitressqu l-qorti fis-sigħat li ġejjin minħabba l-proċess tal-investigazzjonijiet.