Matul dawn il-jiem fit-triq li twasslek għat-telgħa tas-Saqqajja fir-Rabat, Infrastructure Malta qed tħawwel 61 siġra taż-żnuber.
Dawn is-siġar se jkunu qegħdin jieħdu post is-siġar li tul is-snin mietu jew tqaċċtu kawża tal-maltemp jew mard ieħor.
Rachel Powell, uffiċjal fi ħdan Infrastructure Malta qalet: “Sabiex isir dan ix-xogħol il-kuntratturi qegħdin jużaw makkinarju apposta sabiex ineħħu l-fdalijiet taz-zkuk l-antiki minn wiċċ il-ħamrija sabiex imbagħad tkun tista’ titħawwel is-siġra indiġena fil-post eżatt ta’ fejn kienet dik li mietet.”
Sar ukoll ftehim mal-kuntratturi biex is-siġar ġodda mhux biss jitħawlu iżda jibqgħu jingħataw l-attenzjoni u t-tisqija meħtieġa għas-snin li ġejjin. Dan se jsir sabiex jiġi aċċertat li s-siġar miżrugħa jkunu qabdu sew u integraw fil-post b’mod naturali.
Jekk għal xi raġuni jew oħra, is-siġar ġodda jmutu, dawn se jinbidlu b’oħrajn bħalhom immedjatament.
Sabiex jagħmel tajjeb għal dan bħala parti mill-kontribut ambjentali tas-Central Link Project, Infrastructure Malta fasslet il-proġett b’mod li r-ringieli tas-siġar taż-żnuber f’din it-triq lejn ir-Rabat jinżammu u saħansitra se żżid mija u ħamsa u għoxrin siġra oħra taż-żnuber u ħamsa u sebgġin siġra tar-rand fl-istess parti tat-triq.
Dawn se jitħawlu mal-ġenb tal-korsiji ‘l ġodda li se jsiru biswit it-triq eżistenti, kif ukoll f’postijiet fejn bħalissa hemm siġar mejtin, l-istess bħalma qed isir din il-ġimgħa fit-Telgħa tas-Saqqajja.
B’hekk, din il-parti ta’ Triq l-Imdina se tkun qed tiżdiedilha ringiela oħra ta’ siġar taż-żnuber ġaladarba jkun lest il-proġett.
Permezz tas-Central Link Project ukoll, se jitħawwlu ħames mija u disgħa u tletin siġra indiġena oħra fl-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard u Ta’ Qali. B’hekk b’kollox se jkunu qed jiżdiedu mitejn u ħamsa u tmenin siġra aktar milli hemm illum.