Mijiet ta’ siġar tħawlu fil-Park tan-Natura u l-Istorja tal-Majjistral biex ifakkar l-10 anniversarju mill-ftuħ tiegħu.
F’attività li ttellgħet fi tmiem il-ġimgħa li għadda, mijiet ħadu l-opportunità biex igawdu n-natura mill-qrib fl-inħawi mhux mimsusa li joffri l-Park u japprezzaw is-sbuħija tal-bijodiversità tiegħu.
Dan l-avveniment seħħ bil-ħidma konġunta tal-Majjistral, il-Ministeru għall-Ambjent u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA).
Matul l-attività tħawlu mijiet ta’ siġar fil-Park biex jibqgħu jfakkru din l-okkażjoni, li hi l-legat ta’ dan l-10 anniversarju. Din l-inizjattiva tmexxiet minn Ambjent Malta u l-ERA. Is-siġar tħawlu matul il-ġimgħa mit-tfal tal-iskola, voluntiera minn bosta għaqdiet u l-pubbliku. Fil-fatt l-istudenti setgħu jikkontribwixxu huma stess għas-sostennibbiltà tal-Park billi ħawlu għadd ta’ siġar ukoll.
Il-Park ikopri medda ta’ kosta li tibda mir-Ramla tal-Mixquqa (Golden Bay) sal-Prajjet u x-Xagħra l-Ħamra, u ġie ddikjarat bħala Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni ta’ Importanza Internazzjonali, fi ħdan in-network tas-siti Natura 2000.
Matul tmiem il-ġimgħa l-Park tal-Majjistral inbidel ukoll f’post għal attivitajiet varji b’xejn li kienu jinkludu sparar bil-qaws, abseiling, yoga, mixjiet gwidati jew tours bir-rota, ziplining, kayaking, osservazzjoni tal-għasafar kif ukoll fotografija tal-pajsaġġ u l-ħlejjaq selvaġġi.