Tut, Sagħtar, Widnet il-Baħar u Rummien.
Dawn huma fost is-speċi indiġeni ta’ siġar u arbuxelli li tħawlu madwar Malta tul l-2020.
Fil-fatt tul is-sena l-oħra twaħlu kważi 22,000 siġra u arbuxell li, madwar elf iktar mis-sena 2019 u iktar mid-doppju mis-sena 2018.
Dawn tħawlu fis-siti li tieħu ħsieb Ambjent Malta fosthom il-Buskett, is-Swatar u Kemmuna.
Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia tenna li dan il-Gvern miexi lejn ippjanar aktar ħadrani u sostenibbli hekk kif l-isfida tat-tibdil fil-klima id f’id mal-ħtieġa ta’ kwalità tal-ħajja aħjar qiegħda tinħass iktar minn qatt qabel.
Huwa sostna: “L-ambjent jinsab fuq nett tal-aġenda tal-Gvern u dan qed narawh fid-diversi inizjattivi li qed nieħdu kuljum. Qed naraw il-ġonna vertikali, proġetti ta’ infrastruttura ħadra f’diversi lokalitajiet u t-tħaddir taż-żoni urbani imma flimkien ma’ dawn hemm ukoll l-afforestazzjoni.”
Ambjent Malta mhux talli tħawwel is-siġar u l-arbuxell iżda tkompli tieħu ħsieb u tagħmel sorveljanza komprensiva sakemm jaqbdu jifjorixxu.