F’Jum is-Siġar, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana inawgurat ġnien iddedikat għall-familja. Il-Ġnien ta’ Sopu jinsab fil-limiti tan-Nadur u fih ġew imħawla aktar minn 4,000 siġra u arbuxell.
Dan il-ġnien, li jkopri medda ta’ 20 tomna art, ħa post barriera antika li ma kinitx għadha tintuża u li kienet saret lok għall-abbuż. Dan il-ġnien sar b’investiment mill-Ministeru għal Għawdex u jagħmel parti mill-viżjoni ta’ Eko-Għawdex biex f’Għawdex ikollna aktar spazji miftuħa għall-familji filwaqt li jippromwovi l-patrimonju naturali Għawdxi.
Il-Ministru Caruana tenniet li proġetti bħal dawn huma konformi mal-politika tal-Gvern dwar Għawdex u tinkoraġixxi l-iżvilupp ta’ Għawdex bħala prodott turistiku distint u kwalittattiv, dan filwaqt li nipprovdu spazji miftuħa għall-familji u nrawmu kultura iktar ambjentali.
Fil-fatt il-Ministeru għal Għawdex nieda inizjattiva bl-isem ta’ “Adotta Siġra” bil-għan li titkattar il-kultura li jitħawlu aktar siġar f’postijiet adattati. Din l-iskema ser tkun miftuħa sa nhar il-Ħadd, 3 ta’ Frar 2019 fejn kull min jixtieq jista’ japplika biex jieħdu siġra endemika u din titħawwel f’ġonna u postijiet adattati.
L-iskema hi aċċessibli mis-sit www.mgoz.gov.mt
Ritratt: MGOZ