Ħamsa u ħamsin siġra oħra tħawlu fil-Park Nazzjonali tal-Familja. Dan bħala attività simbolika tal-impenn li pajjiżna għandu fejn tidħol it-tibdil fil-klima.
Dan wara li saret kompetizzjoni għat-tfal li niedew tliet ambaxxati Ewropej, dik Franċiża, Germaniża u Olandiża li ngħaqdu flimkien għal għan wieħed.
Dan sabiex ir-rebbieħa tal-kompetizzjoni jħawlu f’isimhom 55 siġra fil-Park Nazzjonali tal-Familja li jista’ jitgawda mill-pubbliku.
Neil Ebejer mid-Direttorat tal-Park fissrilna kif is-siġar mħawla huma lkoll indiġeni, jiġifieri li nafu li ilhom jikbru Malta ghal ħafna żmien.
Fosthom hemm is-siġra nazzjonali tal-għargħar li hija endemika għal partijiet limitati ħafna fil-Mediterran u li allura l-valur tagħha huwa imprezzabbli.