Tkomplew l-inizjattivi ta’ afforestazzjoni f’siti ta’ Natura 2000 hekk kif aktar minn ħames mitt siġra indiġena ġew imħawla fil-Park tal-Majjistral.
B’kollox tħawwlu mitejn siġra tal-bruka, ħamsin siġra tal-ħarrub u mitejn u ħamsin siġra tad-deru.
Fi żjara li għamlu waqt it-tħawwil ta’ dawn is-siġar, il-Ministru għall-Ambjent, Aaron Farrugia u l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli qalu li din l-inizjattiva tagħmel parti minn għadd ta’ miżuri li qed jieħu l-Gvern biex ikompli jħaddar lil pajjiżna,.
Il-Ministru Farrugia qal li l-familji Maltin u Għawdxin qed jingħataw aktar spazji miftuħa.
Qal kif, “Aħna hawnhekk qed inkomplu naħdmu flimkien mal-Ministeru konċernat biex nagħtu dan il-post lura lill-familji Maltin u Għawdxin, u ħa nkomplu naħdmu wkoll biex nagħtu postijiet ta’ rikreazzjoni lill-familji.”
Il-Ministru Dalli spjegat kif sforzi bħal dawn inaqqsu l-effetti mit-tniġġis u t-tibdil fil-klima.
Spjegat, “Permezz ta’ Parks Malta aħna impenjati biex inkomplul ninvestu fil-parks, b’mod partikolari b’park naturali bħal dan tal-Majjistral. Nemmen li park bħal dan jista’ jkun sors ta’ tagħlim għall-familji u tfal tagħna.”