Fil-lokalitajiet ta’ Birżebbuġa u l-Mosta, tħawlu 1,600 siġra b’ investiment ta’ €35,000 minn Parks Malta, b’ kollaborazzjoni ma’ Puttinu Cares.
Għal kull donazzjoni li taqbeż it-€300, Parks Malta ħawlet siġra jew arbuxell sabiex filwaqt li tfakkar il-memorja ta’ dawk li tilfu l-battalja kontra l-marda kiefra tal-kanċer, tkun qed tħaddar ukoll l-ambjent u tiprovdi spazji miftuħa għall-familji.
Fil-Mosta, dawn is-siġar se jsebbħu żona viċin il-Ġnien l-Għarusa tal-Mosta, filwaqt li f’ Birżebbuġa, se jingħaqdu mal-proġett tal-gvern li jittrasforma żona f’Birżebbuġa, f’wieħed mill-akbar parks f’Malta.
Kull siġra jew arbuxella se tkun qed tfakkar il-benefattur jew xi persuna għażiża għalihom, partikolarment dawk li jkunu għaddew mill-marda tal-kanċer.
Il-benefatturi se jkunu wkoll jistgħu jimmoniteraw il-progress tas-siġar tagħhom b’mod virtwali, b’sistema ta’ geo-tagging.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Puttinu Cares, Rennie Zerafa, esprima kemm din l-inizjattiva tfisser għall-fondazzjoni.
“Għal Puttinu din tfisser ħafna, għax bil-ħila tagħha, il-wegħdiet li wegħdna fil-Ġimgħa l-Kbira, għad-donazzjonijiet tal-poplu, illum ħa jkollhom se jkollhom siġra miżrugħa għal xi ħadd għażiż għalihom.”
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli sellmet il-memorja ta’ Dr Victor Calvagna.
Fil-fatt, l-ewwel siġra fil-Mosta tħawlet b’memorja tiegħu.
“Dan tal-lum hu riżultat ta’ kollaborazzjoni bejn Parks Malta u Puttinu Cares. Meta kien hemm kampanja ta’ ġbir ta’ fondi, u rajna li għal kull €300 ewro li jinġabru, tibda titħawwel siġra. Ir-riżultat huwa li llum qed inħawlu 1,600 siġra fil-Mosta u anke f’ Birżebbuga.”
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali ta’ Parks Malta Adrian Attard, saħaq dwar l-importanza ta’ kollaborazzjonijiet bħal dawn.