B’mod sfortunat il-flying display ta’ The Malta International Airshow kellu jitwaqqaf b’mod prematur. Dan primarjament minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp li ħakmu lill-gżejjer Maltin b’mod partikolari tar-riħ li kkawżaw ukoll ċertu mewġ fil-baħar. Kien għalhekk li ttieħdet din id-deċiżjoni b’risq is-saħħa u s-sigurtà ta’ dawk kollha li qegħdin jieħdu f’din l-airshow li qed titella’. Minkejja dan kienu eluf ta’ Maltin u Għawdxin illi attendew kif ukoll ank għall-istatic display kif se nkunu qegħdin insegwu aktar f’dan is-servizz.
Fil-fatt, aktar kmieni, il-Ħadd filgħodu kienu bosta dawk li żaru l-Park tal-Avjazzjoni ta’ Ħal Safi u ħdejn il-hangar tal-SR Technics limiti ta’ Ħal Farruġ fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fejn setgħu jaraw l-ajruplani li ġew għal dan l-avveniment mill-qrib.
Din wirja kienet miftuħa wkoll għall-pubbliku ilbieraħ filgħodu.
Dan qabel, kif kellu jsir aktar kmieni waranofsinhar, ilbieraħ ukoll ittellgħet dik imsejħa flying display li l-pubbliku seta’ jsegwiha mix-xatt tal-Qawra biswit l-Akkwarju Nazzjonali.
Sfortunatament din il-wirja prinċipali l-Ħadd kellha titħassar għall-ħabta tat-tlieta u nofs ta’ waranofsinhar fl-istadji inizjali tagħha. Dan wara li l-Uffiċċju Meteoroloġiku mmarka qawwa tar-riħ li tlaħħaq il-forza 6 mill-Majjistral.
Din id-deċiżjoni kienet imħabbra permezz ta’ kitba fuq il-paġna uffiċjali ta’ Facebook ta’ The Malta International Airshow li wkoll innutaw id-dispjaċir tagħhom li kellha tittieħed din id-deċiżjoni.
L-edizzjoni ta’ din is-sena kienet ukoll l-ewwel waħda li fiha d-dilettanti tal-avjazzjoni kellhom ukoll l-opportunità li jsegwu l-wasliet tal-ajruplani għal dan l-avveniment li ilkoll wasslu sa nhar il-Ġimgħa.