Il-Pulizija ħarġet 124 multa lill-persuni li kisru l-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa nhar il-Ħamis meta numru ta’ partitarji ta’ Ħamrun Spartans inġabru f’folol kbar biex jiċċelebraw ir-rebħ tal-Kampjonat Premier.
Kelliem għall-Pulizija kkonferma li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin biex jiġu identifikati aktar persuni li kisru r-regoli u jitħarrku.
Minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija, in-numru ta’ nies fil-grawnd kien limitat, iżda diversi partitarji nġabru f’numru ta’ bars u fit-toroq prinċipali tal-Ħamrun biex isegwu u jiċċelebraw it-tmien kampjonat fl-istorja tal-Ispartans.
Ritratti u filmati fuq il-midja soċjali juru numru ta’ nies jiċċelebraw mingħajr maskri u mingħajr ma jżommu d-distanza soċjali.