Fil-bajja tar-Rinella qed isir taħriġ minn Transport Malta bi preparazzjoni għal każijiet fejn ikun hemm tixrid ta’ żejt fil-baħar. Liema taħriġ sar permezz ta’ xi ħaġa li normalment nikluha waqt li nkunu qed naraw film, hekk għalih intuża l-pop corn.
Dan it-taħriġ sar billi ntefa’ pop corn fil-baħar li ssimbolizza ż-żejt. Żewġ dgħajjes tqabbdu b’dak li jissejjaħ bumm, li permezz tiegħu ż-żejt jiġi kontenut u jinġib lejn ix-xatt. Wara ntuża apparat li jissejjaħ skimmer, li jintuża biex jinġabar iż-żejt minn ġol-baħar.
Għat-taħriġ li sar dalgħodu kien hemm preżenti diversi entitajiet, fosthom id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-Forzi Armati ta’ Malta, l-ERA kif ukoll numru ta’ NGOs.
Dan it-taħriġ jifforma parti minn proġett li beda fl-2013 u li permezz tiegħu, Malta hija aktar preparata għal każijiet bħal dawn, b’aktar għarfien u apparat adegwat.