Żewġ membri tat-tim edukattiv ta’ BirdLife Malta attendew sessjoni ta’ taħriġ fir-Renju Unit flimkien ma’ youth leaders Maltin bl-għan li tagħti lil dawn iż-żgħażagħ il-ħiliet meħtieġa biex jintroduċu lil tfal u żgħażagħ oħra man-natura.
Fost it-taħriġ kien hemm dak dwar logħob ambjentali u logħob ibbażat fuq temi marbutin man-natura. L-għan ewlieni tat-taħriġ kien li joffri lill-grupp ta’ parteċipanti varjetà ta’ ħiliet bażiċi li eventwalment jgħinuhom biex huma stess issa jkunu jistgħu jintroduċu lit-tfal u lil żgħażagħ oħra bħalhom mad-dinja tan-natura u fl-istess ħin ikunu kapaċi jħarrġu oħrajn biex jagħmlu l-istess u jipprovdu l-istess ħiliet huma wkoll.
L-Education Manager ta’ BirdLife Malta Hannah Chisholm iddeskriviet dan il-proġett tal- Erasmus+ bħala wieħed li pprovda lil BirdLife Malta u lill-organizzazzjonijiet l-oħrajn involuti fih b’opportunitajiet uniċi biex jitgħallmu mill-esperjenza ta’ xulxin, bis-saħħa ta’ kollaborazzjoni internazzjonali.