L-aħbar imxandra b’mod esklussiv minn ONE NEWS b’rabta mad-dokument tal-Partit Nazzjonalista għall-immaniġjar tat-traffiku ħarbtet għal kollox il-pjan tal-Partit Nazzjonalista.
Tant li b’differenza mis-soltu d-dokument mhux se jkun spjegat f’konferenza tal-aħbarijiet lill-ġurnalisti. Id-dokument li fih 30 paġna kien skedat għall-pubblikazzjoni għada f’konferenza tal-aħbarijiet.
Biex imbagħad il-Ħadd ikun il-punt ewlieni ta’ Simon Busuttil fid-diskors tiegħu. Il-fatt li d-dokument żvelajnih aħna wassal biex fid-Dar Ċentrali ttieħdet id-deċiżjoni li Marthese Portelli titkellem dwar u tippreżentah fil-Kunsill Ġenerali li għaddej bħalissa fid-Dar Ċentrali.
Tant id-deċiżjoni kienet waħda mgħaġġla, li sakemm Marthese bdiet id-diskors tagħha, il-ġurnalisti u il-persuni fis-sala ma kellhomx kopja tar-rapport. Mill-aġenda li tidher hawn isfel il-preżentazzjoni tal-pjan ukoll ma kinetx skedata.
Kien għal ħabta tal-erbgħa ta’ wara nofsinhar li żvelajna kif wara seba’ xhur ta’ stennija il-pjan short-term ta’ Marthese Portelli u Simon Busuttil għall-immaniġġjar tat-traffiku huwa bbażat fuq 35 proposta li ħafna minnhom diġa’ qed ikunu implimentati Il-wiegħda ewlenija fid-dokuemnt “Reducing Traffic Congestion” hi li l-Partit Nazzjonalista se jħejji pjan, jekk ikun fil-Gvern.
Din hi l-aktar wiegħda b’saħħitha li l-kap saħansitra jimmarka fil-messaġġ tiegħu fl-istess dokument. Però dan il-pjan diġà qed jitħejja mill-Gvern preżenti, peress li din is-sena jintemmu deadlines imposti mill-Unjoni Ewropea, u pajjiżna ma jistax jistenna. Id-dokument żvelajnih grazzi għal leak intern mid-Dar Ċentrali. Bis-sorsi tagħna għal darb oħra jirriżultaw preċiżi.