Bdew jitħallsu l-pagamenti taċ-children’s allowance li jkopru l-ewwel tliet xhur tas-sena d-dieħla u li b’kollox jammontaw għal kważi €12-il miljun.
Dawn il-pagamenti ta’ kull sena jingħataw qabel il-ħin skedat sabiex jgħinu lill-familji jippjanaw il-finanzi tagħhom aħjar f’dawn iż-żminijiet ta’ festi u divertiment.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon qal li l-pagamenti taċ-children’s allowance se jitħallsu s’għada s-Sibt. Uħud mill-pagamenti diġà saru tul din il-ġimgħa, għal dawk il-persuni li jirċievu dan il-pagament direttament f’kont bankarju.
Dawn il-pagamenti se jkunu qed jirriflettu iż-żieda ta’ €90 mħabbra mill-Gvern fil-Budget għas-sena 2023.
Intant, il-Ministru qal li l-ewwel 3 pagamenti għal din is-sena li qegħdin fiha ammontaw għal total ta’ €33,446,454.
Il-Ministru Falzon tkellem ukoll dwar il-pagamenti marbuta mal-mekkaniżmu addizzjonali tal-COLA, li wkoll se jitħallsu fi tmiem il-ġimgħa u li bdew jingħataw għall-ewwel darba.
Fil-fatt, ’il fuq minn 40,852 familja se jibdew jirċievu fil-kont bankarju tagħhom l-għotja addizzjonali tal-COLA. Dawn il-pagamenti ta’ darba f’sena jvarjaw minn minimu ta’ €100 sa’ massimu ta’ €1,200 għal kull dar.
L-ammont li se jitħallas f’dan il-pagament jammonta għal €13,779,975. Min ma nqabadx f’dan il-proċess se jkun qed jitħallas fil-pagament li jmiss tas-sena d-dieħla.