L-Oppożizzjoni użat il-ħin tagħha fil-Parlament għad-diskussjoni tar-rapport tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia biex tkun partiġjana u aggressiva.
Mal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, intgħażlu wħud tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil biex jitkellmu.
Iż-żewġ Viċi Kapijiet, David Agius u Robert Arrigo lanqas biss tħallew jitkellmu u minflok saħansitra ngħatat ħin minn tal-Oppożizzjoni biex titkellem Marlene Farrugia, dik li kienet iffurmat dik imsejħa bħala l-koalizzjoni ta’ konfużjoni ma’ Simon Busuttil.
Fost dawk li tkellmu kien hemm id-deputati viċin l-għaqda Repubblika u Occupy Justice u Manuel Delia.
Fost dawn kien hemm Jason Azzopardi u Joe Ellis u Karol Aquilina.
Dan tal-aħħar kien wieħed minn dawk li uża diskors aggressiv u qal hekk: “Kollha bla sinsla intom.”
Karol Aquilina, id-deputat mixli b’sewqan perikoluż infexx jattakka lill-Prim Ministru u qallu hekk: “Inti mhux se tkun il-Prim Ministru ta’ dan il-pajjiż.”
Din il-ġimgħa stess l-għaqda Repubblika reġgħet iltaqgħet mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista fid-Dar Ċentrali.
Fil-laqgħa, li s-soltu ssir bil-moħbi imma din id-darba qabdu u qaluha huma biex ma jinkixfux, saħansitra kienet diskussa l-istrateġija politika, tant li ma’ Bernard Grech kien hemm Ray Bezzina u Chris Peregin.
In-nies ta’ Repubblika huma dawk li qrib tagħhom fil-Partit Nazzjonalista hemm dawk li għamlu lil Bernard Grech Kap tal-Partit Nazzjonalista u għalhekk huwa obbligat lejhom.
B’sorsi fil-Partit Nazzjonalista jispjegaw għal iktar minn darba li Bernard Grech ftit jista’ jagħmel mod ieħor għajr li jogħġob lilhom u d-deputati tagħhom fuq quddiem nett dawk li l-Ġimgħa filgħodu tħallew jitkellmu huma f’isem l-Oppożizzjoni fil-Parlament.