Tħaffef il-proċess biex ikunu pproċessati l-applikazzjonijiet għall-permessi biex studenti ġodda jibdew it-taħriġ tas-sewqan u biex isirilhom l-eżami.
Hekk spjega ma’ dan l-istazzjon, id-Direttur għall-Permessi, Ittestjar u Taħriġ tas-Sewqan, Clint Mansueto li spjega kif fost l-oħrajn iż-żmien ta’ stennija biex wieħed jiġi mgħajjat għat-test tas-sewqan niżel bin-nofs għal erba’ ġimgħat mill-applikazzjoni
Huwa spjega kif madankollu l-ikbar tnaqqis sar fiż-żmien li fih ikunu proċessati l-permessi għat-tagħlim tas-sewqan.
Qal, “Il-ħruġ tal-permessi tat-tagħlim il-perjodu ta’ stennija fil-passat konna nikkolkolaw li kien jieħu bejn tliet ijiem, ġieli erba’, u ġieli anke ħamsa. Fil-preżent dawk il-permessi qiegħdin jinħarġu f’inqas minn 24 siegħa.”
Is-Sur Mansueto spjega kif dan kien possibbli biss permezz ta’ investiment kbir li sar fir-riżors uman f’din it-taqsima.
Spjega, “Din is-sena sar investiment fejn jidħlu l-human resources fejn espandejna it-tim tal-examiners, anke l-iskrivana biex ovjament nassorbu l-load tax-xogħol u ħabba din id-dedikazzjoni rnexxielna nwasslu dak ir-riżultat.”
Bħalissa hemm tim ta’ 14-il eżaminatur li ta’ kuljum jagħmlu madwar 80 test lil sewwieqa ġodda tal-karozzi.
Minn dawn jgħaddu madwar 63% tal-sewwieqa ġodda.
Barra dawn l-eżaminaturi jagħmlu wkoll testijiet oħra għal sewwieqa ġodda ta’ vetturi differenti fosthom il-karozzi tal-linja u t-trakkijiet.