Tħawlu madwar elf siġra indiġena bħala parti minn eżerċizzju ta’ afforestazzjoni fl-Aħrax tal-Mellieħa, f’sit li jagħmel parti min- Natura 2000.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia fi żjara li għamel fuq is-sit. Huwa sostna li l-għan ta’ dan l-eżerċizzju huwa li tiġi rrestawrata art li tħalliet fi stat t’abbandun u jnaqqas l-erożjoni tal-ħamrija li tirriżulta mit-tgħaffiġ tal-ħamrija permezz ta’ mixi u aċċess għall-karozzi.
Il-Ministru Farrugia stqarr: “Naraw li nkomplu nħawlu aktar siġar, infakkar ukoll illi ħawwilna ‘l fuq minn 22,000 siġra s-sena l-oħra. Dan ix-xogħol qed isir grazzi għal Ambjent Malta u f’dan il-proġett ma FKNK, u aħna ħa nkomplu naħdmu biex anke permezz ta’ konsultazzjoni li qegħdin nagħmlu nagħtu postijiet lura lill-familji Maltin u Għawdxin għar-rikreazzjoni. Dan juri biċ-ċar kemm aħna Gvern mal-komunitàjiet, Gvern għan-nies.”
L-interventi li qed isiru fuq medda ta’ art ta’ 5,000 metru kwadru fl-inħawi tar-Ramla tat-Torri u tal-Irdum tal-Madonna jinkludu wkoll restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ, tneħħija ta’ materjal bħal skart li nħoloq minn barbecues illegali tal-ġebel, u t-tneħħija ta’ pjanti invażivi u mhux indiġeni, bħas-siġar tal-Akaċja.
Il-kelliem għall-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti, l-FKNK, Lucas Micallef spjega kif is-siġar huma ferm importanti biex iħaddnu bijodiversità b’saħħitha fl-abitat naturali.
Il-Ministru temm jgħid li l-Gvern miexi lejn ippjanar iktar ħadrani, ekoloġiku u sostenibbli f’żoni rurali u urbani biex il-pubbliku ġenerali jkollu spazji miftuħa iżjed sbieħ.